Il-Bagalja tal-Injam

Kliem: Alfred C. Sant
Mużika: Alfred C. Sant
Ikanta: Tony Camilleri
Isma' l-kanzunetta:

Niftakru sejjer lejn it-Tarzna
b'dik il-bagalja ta' l-injam
U meta rtira żamm f'armarju
fil-garaxx jedha sad-dlam.

Sew ħuti u jien madwar il-mejda
ġimgħat biss wara li tlifnieh.
Mill-garaxx ġibna il-bagalja
u sibna x'kien għażiż għalih.

Ittri qodma minn sptar f'Londra
ta' met' ommi daret m'oħtha
kif baqa' jgħożżhom tul is-snin!

Fl-ewwel ġita 'l hinn mill-gżira
minn Taormina żamm tifkira
rikordju bozza b'figurin.

It-temprin rigal li tajtu
mill-iscouts f'Jum il-Missier
għadda ż-żmien u nsejt li rajtu xi mkien.
Fil-bagalja ta' l-injam.

Ma nafx li bistu, qatt ma għannaqtu
iżomm ftit lura għall-bews u ċ-ċajt.
Għax hekk trabbejna għall-valuri
minn fommu "inħobbok" qatt ma smajt.

Għalkemm illum jien stajt ninduna
kif warda npoġġi fuq l-irħam
li kien japprezza bla ma juri
mill-fdal f'bagalja ta' l-injam.

Ritratt sepja mill-barrakka
ommi b'handbag ta' l-alakka
u l-Vauxhall Cresta ħdejn ta' Xbiex.

Sibna santi u kuruna
minn x'imkien kien sab l-għajnuna
f'mumenti tqal li ma wriniex.

Ma kienx raġel b'kumplimenti.
Taħseb qalbu ta' blat samm.
Kien jaf jaħbi s-sentimenti fis-skiet.
Dik imħabbtu bla reklam.
Fil-bagalja ta' l-injam.

Għax għalkemm kont ħdejh tul ħajtu
lil dak missieri qatt ma rajtu
kif rajtu fil-bagalja ta' l-injam.