Suppost

Kliem: Mario Fenech Caruana
Mużika: Marica Axisa
Ikantaw: Jeff u Mariosa

Suppost li d-dinja ddur qisha żugraga,
suppost min jaħdem biss ikollu l-paga.
Suppost ma jonqos xejn, hawn ħafna flus fl-idejn
Allura fejn hu d-dejn?

Suppost kull min iġemma' miljunarju,
suppost kull min jittallab missjunarju
Suppost kollox bi dritt, li tisraq daqs delitt
Jaqbillek li tkun fitt!

Għax hawnhekk kulħadd jitkellem kif jaqbillu
Biex imbagħad kulħadd iħarbex kif jiftillu
Kultant tistħajlek qiegħed fuq pjaneta
Fejn biex tinqeda' trid li tagħmel wegħda
Tibżax tkun wiċċek tost.
Tibżax, titlifx il-gost
F'dal-post kollox suppost.

Suppost li ż-żgħażagħ jilbsu l-aħħar moda,
suppost min ikun żbozz ma jdumx jomgħodha.
Suppost ma jittantawx, suppost ma jixxalawx.
Jekk jistħu ma jkampawx.

Suppost għandna l-gazzetti ndipendenti,
suppost jirrakkuntaw ġrajjiet kurrenti
suppost jirrappurtaw, kultant jissindikaw
bi stejjer tal-babaw.

Għax hawnhekk kulħadd jitkellem kif jaqbillu
Biex imbagħad kulħadd iħarbex kif jiftillu
Kultant tistħajlek qiegħed fuq pjaneta
Fejn biex tinqeda' trid li tagħmel wegħda
Tibżax tkun wiċċek tost.
Tibżax, titlifx il-gost
F'dal-post kollox suppost.

Suppost kulħadd jistenna biex jithenna,
suppost il-qaddisin qegħdin il-ġenna.
Suppost kulħadd preċiż, suppost kollox irħis.
Kif l-abjad jgħiduh griż?

Suppost li bil-komputer tlajna' s-sema,
suppost jekk ma tużaħx tista' tintrema
suppost ma jiżbaljax, suppost ma jiżmagax.
Ħasra ma jkantax!

Għax hawnhekk kulħadd jitkellem kif jaqbillu
Biex imbagħad kulħadd iħarbex kif jiftillu
Kultant tistħajlek qiegħed fuq pjaneta
Fejn biex tinqeda' trid li tagħmel wegħda
Tibżax tkun wiċċek tost.
tibżax, titlifx il-gost
F'dal-post kollox suppost.