Festi Infernali

Kliem: Joe Demicoli
Mużika: Joe Demicoli
Ikanta: Joe Demicoli

Il-festi tal-irħula ilhom isiru s-snin
Dawn huma ħafna għal qalb il-Maltin.
"Illejla nkantaw l-innu quddiem il-qaddis"
Mur fiehem lit-turisti bid-drawwiet tal-pajjiż

U l-qaddisin kollha mbissmin
Għax fil-quddiesa tajna l-paċi lil xulxin.

Hekk kif l-istatwa tixref rasha fuq iz-zuntier
Bilkemm tisma' l-banda ddoqq fuq il-planċier
"Ara x'festa għandna - tagħna l-aħjar"
Il-fliexken bdew itiru, spiċċaw tlieta l-isptar

Għax għall-Maltin m'hemmx qaddisin
L-aqwa l-każin u it-tiżjin.

"Viva San Ġużepp, viva Santa Marija"
Il-president rifsuħ, ġibed dagħwa faħxija!
"Viva tal-Karmnu, Viva Santa Katerina"
Il-kaxxier ferħan, illum dabbar l-istrina.

Għax il-Maltin tant magħrufin
Festi Nfernali nagħmlu f'ġieħ il-qaddisin.

Addio l-imħabba li ppriedka l-kappillan
Jew forsi fil-quddiesa kulħadd 'ġa kien xurban.
"Ħudu paċenzja ja qatta mdejqin"
Sa ġew il-pulizija qaflu sitta Kordin

Għax għall-Maltin m'hemmx qaddisin
L-aqwa l-każin u it-tiżjin.

"Viva San Ġorġ, Viva San Bastjan"
Nofs raħal imdejjaq, in-nofs l-ieħor ferħan
"Viva taċ-ċintura, Viva Sant Andrija"
Taparsi devoti, wiċċhom bla mistħija.

Għax ill-Maltin tant magħrufin
Festi nfernali nagħmlu f'ġieħ il-qaddisin

U l-qaddisin kollha mbikkmin
Għax il-Maltin kollha xenati w tejatrin
Għax għall-Maltin m'hemmx qaddisin
Umm paq paq zinn! umm paq paq zinn!
Viva l-każin

Għax il-Maltin "imħawdin"
U l-qaddisin "minsijin"
Umm paq paq zinn! umm paq paq zinn!
Iftiħilna moħħna o Bambin
Biex il-Maltin, aħna l-Maltin
Ma nħassrux festi ("magħqudin")
U nħobbu lil xulxin ("magħqudin")
F'ġieħ il-qaddisin!