IR-REBBIEĦA TAL-50 EDIZZJONI TA’ L-GĦANJA TAL-POPLU

L-Għanja tal-Poplu ttella’ nhar is-Sibt 1 ta’ Awwissu 2026 fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-sittax-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert,Orchestra. Għall-50 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu ġew sottomessi 130 kanzunetta oriġinali.

Fil-finali r-rebbieħa intgħażlu minn ġurija professjonali flimkien ma’ ġurija popolari. Il-ġurija popolari kienet magħmula minn membri tal-pubbliku kif wkoll membri tal-Malta Concert Orchestra.

Il-kanzunetta ‘Mara’ kantata minn Cherylis fuq kliem u mużika ta’ Corazón Mizzi ġiet ddikjarata L-Għanja tal-Poplu 2026. Il-kanzunetta hija tifħira lejn kull mara u lejn l-istejjer li ġġorr magħha. ‘Mara’ tagħti vuċi lill-esperjenzi differenti tan-nisa: il-mara-omm, il-mara fuq ix-xogħol, il-mara li timrad, u saħansitra il-mara li tagħżel li tħobb mara oħra. Cherylis ingħatat ukoll il-premju Enzo Gusman għall-interpretazzjoni tal-istess kanzunetta.

Il-kanzunetta ‘Requiem Stradalis’ interpratata mid-duo ta’ kantawturi Lon Kirkop u Mark Cachia kklassifikat fit-tieni post. Il-kanzunetta rebħet ukoll il-premju għat-tema soċjali kif ukoll il-premju għall-kantawtur. ‘Requiem Stradalis’ titkellem fuq esperjenzi komuni li kull Malti jaffaċja ta’ kuljum fit-toroq tagħna u tiffoka l-iżjed fuq ir-relazzjoni bejn dawk li jsuqu l-muturi u l-karozzi.

Fit-tielet post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Ħallejna’ interpretata minn Mark Tonna u Leontine fuq kliem ta’ Rita Pace u mużika ta’ Andrew Zahra. ‘Ħallejna’ tlaqqagħna ma’ koppja li titkellem dwar kif il-ħajja tal-lum u nuqqas ta’ komunikazzjoni affettwat ir-relazzjoni tagħhom. Jispjegaw kif ħallew ir-rutina, ix-xogħol, is-skiet jbegħduhom, ħallew ir-rabja u l-apatija tieħu post l-imħabba, u ħallew relazzjonijietġodda jieħdu postha, sakemm ħallew lil xulxin. Dawn it-tnejn min-nies iħarsu lura lejn l-istorja tagħħom, b’rassenjazzjoni. Il-kanzunetta rebħet ukoll l-premju mogħti mix-xandara.

Fil-kartolina ta’ bejn kanzunetta u oħra, kantanti li ħadu sehem fil-passat ta’ L-Għanja tal-Poplu, introduċew il-kantanti finalisti ta’ din is-sena. Fl-okkażżjoni tal-50 edizzjoni, il-kantanti finalisti ta’ din is-sena interpretaw siltiet minn kanzunetti magħrufa ta’ L-Għanja tal-Poplu. Il-festival kien ppreżentat minn Antonella Galea Loffreda u Joseph Galea u xxandar dirett fuq TVM.

(Il-festival se jerġa’ jintwera l-Ħamis 13 ta’ Awwissu fid-20:45 fuq TVM+).

Wieħed jista’ jisma’ u jsegwi l-lirika mis-sit: www.ghanjatalpoplu.org/kanzunetti-ghtp-2026

L-album ta’ dan il-festival (L-Għanja tal-Poplu 2026) huwa ppublikat fuq diversi pjattaformi diġitali fosthom:

Spotify
Youtube Music
iTunes
Apple Music
Amazon

Dan il-festival huwa organizzat mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bil- kollaborazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal.

L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti Għall-Arti.

www.facebook.com/GhanjaTalPoplu

www.ghanjatalpoplu.org