L-istorja ta’ L-Għanja tal-Poplu
L-Għanja tal-Poplu ra l-bidu tiegħu fl-1973 bħala festival ta’ kanzunetti folk organizzat mill-Youth Travel Circle fil-Belt Valletta; klabb li kien jilqa’ fih membri minn madwar Malta kollha. Il-festival kien mezz biex iħajjar awturi u kompożituri joħolqu u jinterpretaw kanzunetti bil-Malti u jinterpretawhom fil-publiku. L-għażla tal-kanzunetti finalisti kienet issir billi l-parteċipanti jinterpretaw il-kanzunetta tagħhom bil-vuċi u bil-kitarra quddiem ġurija. Anke waqt il-festival, il-kanzunetti kienu jkunu akkumpanjati live mill-parteċipanti stess. Fost il-parteċipanti tal-ewwel edizzjonijiet tal-festival insibu lil Manwel Mifsud, Joe Friggieri, George Cassola, Walter Micallef, Sammy Bartolo, Merga, Evarist Bartolo u oħrajn.
L-għan tal-festival dejjem kien li jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ kanzunetti bl-ilsien Malti, iktar mill-kompetizzjoni. Il-premju lill-awturi tal-kanzunetta rebbieħa kienet tazza tal-fidda.
Fl-1987, il-festival beda’ jittella’ fuq bażi nazzjonali u giet introdotta l-orkestra. Fil-bidu tas-snin disgħin fil-festival bdiet tintuża il-mużika rrekordjata fl-istudios. Barra premju għall-ewwel post bdew jingħataw premjijiet għall-kanzunetti klassifikati fit-tieni u t-tielet post u premjijiet speċjali għall-aħjar interpretazzjoni u l-aħjar tema soċjali. F’dawn is-snin waqt il-festival beda jingħata wkoll ir-rikonoxximent imsejjaħ L-Għanja li Tibqa’ lill- personalitajiet li jkunu taw kontribut fit-tul lill-kanzunetta Maltija.
Fost il-kanzunetti li spikkaw fis-snin disgħin kien hemm Pajjiż tal-Miki Maws (John Bundy – Martin Attard), It-Teatru (Enzo Gusman), Allerġija għall-Bnedmin (Mark Tonna – Rene’ Mamo), Kemm Jien Beżżul (Philip Vella – Joe M. Farrugia), It-Tfal ta’llum (Eleonor Cassar u Glen Vella – Paul Ellul, Chan Vella) u Tisimgħu Tissaħħar (Frans Baldacchino l-Budaj u Priscilla Psaila). Fl-aħħar snin spikkaw il-kanzunetti L-Uffiċju (Brikkuni), Malta Tiegħi (Kultural), Tal-Aħħar ( Corazon Mizzi, Walter Micallef) u l-kanzunetta Jien ma Naħdimx (Karen Debattista – Rita Pace, Mark Scicluna).
Kien f’dawn l-istess snin li giet iffurmata l-organizzazzjoni L-Għanja tal-Poplu li permezz tal-ħidma kontinwa tagħha baqa’ jtella’ dan il-festival sena wara l-oħra filwaqt li jippromwovi l-kanzunetta Maltija. Il-festival issa wasal fl-44 edizzjoni tiegħu, u minkejja’ li għadda iż-żmien xorta’ għadu jattira artisti żgħażagħ kif wkoll artisti ta’ esperjenza. Intant diversi artisti ppublikaw albums ta’ kanzunetti bil-kanzunetti li ħadu sehem bihom fl-Għanja tal-Poplu.
F’dawn l-aħħar snin, bis-sapport tal-Kunsill Malti għall-Arti, l-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu setgħet torganizza dan il-festival b’mod iktar professjonali u hekk itejjeb il-kwalita’ tal-kanzunetta Maltija. Il-kumitat L-Għanja tal-Poplu matul is-sena jaħdem fil-qrib mal-kompożituri u l-awturi, kif ukoll maż-żgħażagħ, u jinkoraġġihom jiktbu kanzunetti bil-Malti ta’ kwalita’.
Hekk din il-għaqda żammet ħajja u sostniet lill-kanzunetta Maltija matul is-snin u llum L-Għanja tal-Poplu għandu legat ta ‘l fuq minn 46 sena. Għalkemm inbidlu ż-żminijiet, il-festival L-Għanja tal-Poplu għadu relevanti u jkun mistenni minn sena għall-oħra kemm mill-awturi, kompożituri u kantanti tal-kanzunetta Maltija, kif wkoll mill-publiku Malti li jattendi għall-festival jew isegwih fuq it-TV u l-media socjali.