👉Formola tal-Applikazzjoni 2026 PDF / 👉Formola tal-Applikazzjoni 2026 Word

👉Sottomissjoni tal-kanzunetti Online 2025


1. IL-FESTIVAL

1.1 Il-festival L-Għanja tal-Poplu 2026 huwa festa ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, interpretati u akkumpanjati live bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra.

1.2 L-għanijiet ewlenin tal-festival huma:
(a) li jġib ’il quddiem il-kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
(b) li joħloq opportunitajiet biex il-kompożituri u l-awturi jwasslu l-kanzunetta tagħhom lill-pubbliku Malti;
(ċ) li, anke wara l-festival, ikompli jgħin lill-artisti Maltin isibu udjenza dejjem ikbar għall-kanzunetta tagħhom.

1.3 Il-festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:
(a) l-ewwel fażi tal-għażla, li fiha mill-kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu numru ta’ semifinalisti;
(b) it-tieni fażi tal-għażla, li fiha jinstemgħu l-kanzunetti semifinalisti live, u minnhom jintgħażlu l-kanzunetti finalisti;
(ċ) it-tielet fażi: Il-finali ta’ L-Għanja tal-Poplu fejn jitħabbru r-rebbieħa.

2. IL-KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall-festival il-kanzunetti jridu jkunu:
(a) oriġinali, jiġifieri l-lirika u l-mużika tagħhom qatt ma jkunu ġew ippubblikati;
(b) b’lirika bil-Malti;
(ċ) mhux itwal minn tliet minuti u ħamsa u erbgħin sekonda. (It-tul ideali għal kanzunetta huwa ta’ bejn 3 minuti u 3 minuti u nofs).

2.2 It-tema tal-kanzunetta hija libera, jiġifieri l-awtur jista’ jikteb fuq dak li jrid. F’dan il-festival il-lirika tingħata importanza daqs il-mużika, u napprezzaw lirika ta’ kwalita’ bil-Malti.

2.3 Kanzunetti, b’tema vulgari jew ta’ propaganda partiġġjana ma jiġux aċċettati.

2.4 L-istil mużikali huwa liberu. Il-lingwa Maltija tadatta ruħha sew biex tkun interpretata b’diversi stili mużikali. Tajjeb għaldaqstant li wieħed jesplora idjomi u stili ġodda u innovattivi. (Tajjeb li niddakru mill-mużika tal-pajjiżi ġirien tagħna, hekk il-mużika Maltija tkun iktar rikka).

Infakkru li fl-arranġament mużikali, m’hemmx għalfejn li jintużaw l-istrumenti kollha provduti fl-orkestra jew kompjuter. Kultant l-użu għaqli ta’ ftit strument/i li jispikka/w jagħti/u karattru lill-kanzunetta. Strumenti oħra jekk hemm bżonn, jistgħu jintużaw fl-isfond. Fl-istess ħin, il-kliem għandu jinstema’ ċar u jinftiehem u m’għandux ikun midfun fil-mużika.

3. IL-PREMJIJIET

3.1 Premju ta’ €200 lil kull kanzunetta klassifikata bħala finalista li jingħataw wara is-semifinali.

3.2 Premjiet Speċjali (Serata Finali)

(a) Dan il-festival jinkoraġġixxi l-kitba ta’ kanzunetti ta’ kwalità li jesprimu l-ħsibijiet, l-esperjenzi, il-gosti, ix-xewqat, ir-relazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet kemm fuq bażi personali, kemm bħala poplu fuq din il-gżira, kemm bħala ċittadini tad-dinja. Il-festival jagħti l-Pemju Speċjali għat-Tema Soċjali biex jinkoraġġixxi dan.

(b) Il-Premju Speċjali għal Kantawtur jirrikonoxxi kanzunetti ġenwini li jesprimu l-esperjenzi u s-sentimenti tal-awturi/gruppi li jkantaw kanzunetti li jiktbu u jikkomponu huma stess.

(ċ) Il-Premju Speċjali Enzo Gusman jingħata għall-interpretazzjoni waqt il-fażi tal-finali. Il-pubbliku japprezza kanzunetta li titkanta b’konvinzjoni, b’emozzjoni u mill-qalb. Permezz ta’ interpretazzjoni tajba, l-udjenza tkun tista’ tħoss l-istorja jew ir-ruħ tal-kanzunetta permezz tal-vuċi u l-espressjoni. Il-kliem ikun jinftiehem ċar mill-udjenza u b’aċċent Malti tajjeb, kif normalment mitkellem.

(d) Premju speċjali L-Għażla tax-Xandara: kanzunetta li tappella għall-publiku inġenerali, b’lirika u melodija li tieħu pjaċir tismagħha u anke tkanta magħha. Inħajrukom tiktbu kanzunetti sbieħ li jgħoġbu lill-poplu u li jkomplu jindaqqu fuq ir-radju.

3.3 Il-premjijiet tal-kanzunetti kklassifikati fl-ewwel tliet postijiet jikkonsistu fi trofew għall-awtur, ieħor għall-kompożitur u trofew ieħor lill-kantant/a, kif ukoll:

• €1500 lill-kanzunetta kklassifikata fl-ewwel post rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu;
• €800 lill-kanzunetta kklassifikata fit-tieni post;
• €500 lill-kanzunetta kklassifikata fit-tielet post;

3.4 L-awtur u l-kompożitur tal-kanzunetta rebbieħa tal-festival jingħatalhom it-trofew L-Għanja tal-Poplu li jinżamm sal-edizzjoni tal-festival ta’ wara.

4. L-GĦAŻLA TAL-KANZUNETTI

4.1 Fl-ewwel fażi tal-għażla, il-ġurija tisma’ rikording tal-kanzunetti u tiġġudika u tagħti marki fuq il-kwalita’ tal-kliem u l-mużika u r-rabta ta’ bejniethom. F’dan l-istadju r-recording mhux bilfors ikun professjonali jew fil-verżjoni finali tiegħu. F’kull kas, il-kliem għandu jinstema’ ċar u jkun jinftiehem.

4.2 Fit-tieni fażi – semifinali, il-kantant/a/i prinċipali jinterpreta/w il-kanzunetta live (bir-recorded backing li jista’ jinkludi backing vocals). Il-ġurija tiġġudika fuq kliem, mużika u kemm il-kanzunetta hi adattata għall-festival.

Fis-semifinali, ir-recording tal-backing vocals kif ukoll l-orkestrazzjoni jridu jkunu simili għal dawk li se jkunu ppubblikati fil-finali.

Fil-finali l-kanzunetti jridu jkunu interpretati minn kantanti differenti. Kantant/a jista’ jkanta sa żewġ kanzunetti fis-semifinali. F’każ li jkunu se jgħaddu żewġ kanzunetti tal-istess kantant għall-finali, il-ġurija tagħżel kanzunetta waħda.

4.3 Fit-tielet fażi – dik finali, il-kanzunetti kantanti u akkumpanjati live jiġu ġġudikati minn ġurija popolari u ġurija professjonali. Il-ġurija popolari se jkollha saħħa daqs il-ġurija professjonali fil-klassifikazzjoni tal-kanzunetti fl-ewwel tlett postijiet. Il-premju speċjali Kanzunetta Popolari se jkun iġġudikat minn persuni involuti fix-xandir.

4.4 F’kull fażi, il-ġuriji jiġġudikaw bl-akbar liberta’ u l-marki u d-deċiżjonijiet tal-ġurija jkunu ivverifikati minn nutar.

5. IS-SOTTOMISSJONI TAL-KANZUNETTI

  • Is-sottomissjoni tal-kanzunetti se tkun online mit-2 ta’ Frar sal-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2026 fit-8pm.
  • Jingħata ċans ta’ estensjoni għas-sottomissjoni tal-kanzunetta. Fil-kas li tiġi bżonn din l-estensjoni, ikkuntatjana minn qabel fuq 99882646 sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Marzu 2024 u tingħata estensjoni sat-18 ta’ Marzu. F’dan il-kas il-ħlas ta’ reġistrazzjoni jkun differenti.
  • Biex tissottometti kanzunetta: Idħol fil-link tal-applikazzjonijiet u segwi l-istruzzjonijiet. Se tintalab tehmeż:

(a) fajl tal-kanzunetta format mp3 bil-vuċiji/iet.
(b) dokument pdf bil-lirika tal-kanzunetta miktuba b’Malti tajjeb u bit-tipa tal-Malti. Tiktibx ismijiet ta’ awturi, kompożituri jew kantanti f’dan id-dokument.
(ċ) Scan (preferibilment pdf) tal-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni, mimlija u ffirmata mill-awtur u l-kompożitur.

Kull file (a,b,ċ) għandu jissemma’ bl-isem tal-kanzunetta.

d) Ħallas kontribuzzjoni ta’ €70. Tista’ tħallas permezz tal-Paypal jew bank transfer jew cheque (Jekk tagħżel li tħallas biċ-ċekk, iktbilna email minn qabel). Fil-każ ta’ bank transfer, fil-“payment reference” ikteb l-isem tal-kanzunetta. (Il-ħlas tas-sottomissjoni wara il-11 ta’ Marzu 2026 ikun ta’ €90 flok €70.)

L-Għanja tal-Poplu jibgħat konferma fi ftit jiem permezz ta’ email li l-applikazzjoni ġiet milqugħa. F’każ ta’ diffikultà iktbilna fuq: ghanjatalpoplu@gmail.com.

6. Il-FINALI

6.1 Kanzunetta li tkun ddikjarata finalista ma tistax tiġi rtirata mis-serata finali jew mill-pubblikazzjonijiet tal-festival.

6.2 Kull parteċipant (awtur, kompożitur u kantant) ta’ kanzunetta ppreżentata fis-serata finali tal-festival għandu jkollu/ha sittax-il sena jew iktar fid-data tas-serata finali.

6.3 Fis-serata finali, il-Malta Concert Orchestra se tkun għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jagħmlu użu mis-servizz tagħha. Il-finalisti jridu jiddikjaraw kif se tkun akkumpanjata l-kanzunetta. Jeżistu żewġ possibiltajiet:

(a) li l-kantant/i jkun/u akkumpanjat mill-orkestra; u jekk ikun hemm bżonn jinkludi/u strument jew tnejn provduti mill-parteċipant stess.

(b) li l-parteċipanti jinterpretaw u jkantaw il-kanzunetta tagħhom mingħajr l-orkestra. F’każ li tieħu sehem band, din ma jkunx fiha iktar minn sitt elementi (inkluż il-kantant/i prinċipali). F’kull kas, kanzunetta jista’ jkollha sa’ massimu ta’ 4 backing vocalists li jkunu f’post fiss.

6.4 Il-finalisti li jagħżlu li jkunu akkumpanjati mill-orkestra, għandhom jipprovdu l-arranġament mużikali huma sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2026. L-orkestrazzjoni trid tirrifletti ir-rikording finali tal-kanzunetta u trid tkun miktuba għall-istrumenti li se jintużaw għall-orkestrazzjoni. L-arranġamenti jridu jikkonsistu fil-partitura tad-direttur kif ukoll fil-partijiet individwali ta’ kull strument f’format PDF.

6.5 L-arranġament ippreżentat għandu jkun ta’ livell professjonali u aċċettabbli mid-direzzjoni tal-Malta Concert Orchestra. Id-direzzjoni tal-orkestra tiċċekja l-arranġamenti mużikali u jistgħu jintalbu xi bidliet jew korrezzjonijiet jekk ikun meħtieġ.

6.6 Fis-serata finali, huma d-diretturi tal-Malta Concert Orchesta biss li se jidderieġu l-orkestra.

6.7 Il-formazzjoni massima tal-orkestra se tkun din:

3 Trombi (1st, 2nd and 3rd Trumpets)
Sassofonu Tenur (Tenor Saxophone)
2 Sassofoni Alti (1st and 2nd Alto Saxophones)
2 Korni (1st and 2nd French Horns)
2 Trumbuni (1st and 2nd Trombones)
Pjanu (Piano)
2 keyboards (synth and keyboard strings)
2 Kitarri (2 Guitars – Acoustic or Electric)
Bass Guitar (Bass Guitar)
Drum Kit (Drum Kit)
Perkussjoni (Percussions)
Vjolini: primi u sekondi (1st and 2nd Violins)
Vjoli (Violas)
Vjolonċelli (Cellos)

6.8 Fejn meħtieġ, jistgħu jiġu nklużi sa massimu ta’ erbgħa (4) stereo stems u click track format wav 48khz u 24 bit

7. APPUNTAMENTI

7.1

  • 15 ta’ Jannar sal-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2026 fit-8pm : Sottomissjoni tal-kanzunetti online mis-sit www.ghanjatalpoplu.org/regolamenti 2026
  • Fl-24 ta’ Marzu: Jitħabbru l-kanzunetti semifinalisti.
  • Fil-11 u 12 ta’ April 2026: Is-semifinali: kanzunetti live quddiem il-ġurija. Wara jitħabbru l-finalisti. Is-semifinalisti jridu jibgħatu recorded backing tal-kanzunetta li jista’ jinkludi backing vocals.
  • Sal-20 ta’ April 2026: Jitħabbru il-finalisti. Wara, ssir komunikazzjoni bejn l-organizzaturi, id-diriġent tal-orkestra u min jagħmel l-arranġament għall-orkestra biex tingħata direzzjoni.
  • Sal-15 ta’ Mejju 2026: jinġabru il-kanzunetti (format wav 44.1 Khz 16 Bit) għall-publikazzjoni.
  • Matul Ġunju u Lulju 2026: Sehem fi programmi fuq it-TV u r-Radju. Il-finalisti mitluba jipparteċipaw.
  • Mit-Tnejn 27 ta’ Lulju 2026: Jibdew il-provi mal-orkestra.
  • Il-Ġimgħa 31 Lulju 2026: Il-prova ġenerali bil-ġurija popolari preżenti.
  • Is-Sibt, 1 ta’ Awwissu 2026: Is-serata finali ta’ L-Għanja tal-Poplu 2026.

7.2 Il-finalisti jridu jkunu lesti li jieħdu sehem f’intervisti fuq diversi programmi fuq it-TV u r-radju, f’filmati u sessjonijiet ta’ ritratti li jittieħdu qabel il-festival, u fil-provi kollha u s-serata finali.

8. IS-SERATI FINALI

8.1 Il-kanzunetta li titkanta fil-finali trid tkun l-istess kanzunetta, fil-lirika u l-melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl-eliminatorja. Korrezzjonijiet fl-istadju finali jistgħu jsiru bl-approvazzjoni tal-kumitat organizzattiv.

8.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l-kanzunetta bl-iktar mod xieraq għas-suġġett, ta’ min ifakkar li l-esaġerazzjoni fil-moviment, fl-ilbies, fiż-żfin, fil-mima, eċċ. tista’ taljena l-attenzjoni tal-udjenza mil-lirika u l-melodija, li huma l-qofol tal-kanzunetta. Fuq il-palk permessi biss kantanti u mużiċisti.

9. IL-PUBBLIĊITÀ

9.1 L-Għanja tal-Poplu jżomm id-dritt li jxandar u jippubblika l-kanzunetti u r-recordings tal-festival. Id-drittijiet tal-kanzunetta jkunu ta’ L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-awturi u kompożituri.

9.2 L-awturi u l-kompożituri finalisti jżommu d-drittijiet kollha tal-copyright u d-dritt li jiġbru royalties għal xandir fuq ir-radju, televiżjoni u esekuzzjonijiet diretti. L-organizzaturi ta’ L-Għanja tal-Poplu jingħataw dritt mhux esklussiv u mingħajr ħlas biex jirreġistraw, ixandru u jippubblikaw il-kanzunetti jew song-videos u f’kompilazzjonijiet relatati mal-festival, kif ukoll biex jużawhom għal skopijiet promozzjonali, ta’ arkivjar jew għal riproduzzjoni f’edizzjonijiet futuri.

9.3 F’każ ta’ pubblikazzjonijiet il-kompożituri u l-awturi mitluba jagħtu kreditu lil L-Għanja tal-Poplu.

10. NOTA FINALI

Dawn ir-regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill-bord L-Għanja tal-Poplu. Id-deċiżjonijiet tal-bord ta’ L-Għanja tal-Poplu u taċ-Chairperson tal-ġurija huma finali.

Is-sehem tiegħek f’dan il-festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall-karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana permezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com. Min-naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tas-sit www.ghanjatalpoplu.org u www.facebook.com/GhanjaTalPoplu.

© L-GĦANJA TAL-POPLU (2026)

Web: www.ghanjatalpoplu.org
Facebook: www.facebook.com/GhanjaTalPoplu
YouTube: www.youtube.com/@ghanjatalpoplu1/playlists
E-mail: ghanjatalpoplu@gmail.com