Kanzunetti Finalisti 2016 f’ordni ta’ preżentazzjoni

 

  Kanzunetta Awtur Kompożitur Kantant/a/i
1 Ta’ Billejl Paul Ellul Mark Spiteri Lucas Neville Refalo
2 Ma Ninsiex Joe Julian Farrugia Augusto Cardinali Deborah Dalli
3 Ħallejt il-Passi Wrajk Paul Ellul Glen Vella Jurgen Xerri
4 Is-Sinjur Emil Calleja Bayliss Mark Scicluna Cherylis
5 Ħanini Walter Micallef Walter Micallef Walter Micallef
6 Ħabta u Sabta Andy Muscat Mark Scicluna Andy Muscat
7 Mellisni Joe Chircop Mark Spiteri Lucas Mikaela Bajada
8 Tama Shyli, Jasmar Cassar ft Kapitlu Tlettax DJ Mac, David Leguesse u Shyli Shyli, Jasmar Cassar ft Kapitlu Tlettax
9 Pupa tal-Plastik Paul Ellul Marco Debono Domenique
10 Il-Biża’ u Jien Rita Pace Pamela Bezzina Nadine Fenech
11 Ngħidlek Joe Julian Farrugia Miriam Christine Miriam Christine
12 Id-Dieher Augusto Cardinali Augusto Cardinali Graziana Axisa u

Neville Refalo

13 Bħal Tifla Zgħira Rita Pace Marco Debono Maria Cassar
14 Taptipa fuq l-Ispallejn Emil Calleja Bayliss Pamela Bezzina Michela Dalli
15 X’Se Jsir? Córazon Mizzi Córazon Mizzi Córazon
16 Jien Biss Joe Julian Farrugia Dominic Cini Dorcas
17 Xagħar Twil Ingrid Vella Mark Laurence Zammit Denise Spiteri
18 Waħdi Miegħek Ingrid Vella Kaya Graziella Vella

Ta’ Billejl
kliem: Paul Ellul
mużika: Mark Spiteri Lucas
ikanta: Neville Refalo

Sarli l-ħin biex immur naħdem,
jien illum ix-xift tal-lejl,
il-jiem tiegħi saru riga,
nieħu dejjem l-istess kejl.

Lil uliedi fil-friex komdi,
inħallihom hemm reqdin,
filgħaxija jkunu daħlu,
xħin immur għax-xogħol fil-ħin.

Pa, ħa nkellmek għandi x’ngħidlek,
pa, dil-kelma ma nafhiex,
pa, dil-logħba mhix għal wieħed,
pa, dil-ħajja ma rridhiex.

Ta’ billejl, ħu ftit paċenzja,
ta’ billejl, diġa` qed tard,
idħol orqod naraw għada,
tgħatta sew għax daqsxejn bard.

Il-kont tiegħi mimli ewros,
mowbajl fown għal wieħed tnejn,
u f’kull kamra hemm kompjuter,
nieqaf naħdem mnejn sa fejn.

Kos u kos iż-żmien kif jgħaddi,
illum bniedem irtirat,
ninsab waħdi wliedi żżewġu,
bija nnifsi għoddni fgat.

Pa, ħa nkellmek għandi x’ngħidlek…

Ta’ billejl, ħu ftit paċenzja…

Inċemplilhom kemm-il darba,
messaġġ nibgħat kull sagħtejn,
u r-risposta dejjem waħda,
pa, mhux issa mnejn sa fejn.

Pa, ħa nkellmek għandi x’ngħidlek…

Ta’ billejl, ħu ftit paċenzja…
Ma Ninsiex
kliem: Joe Julian Farrugia
mużika: Augusto Cardinali
tkanta: Deborah Dalli

Nar… li qawwietu ma jafhiex
Xemx… ma tixgħelx bla taf għaliex
Naf… illi hekk kont jiena,
warda li ma tafx bi lwienha…
u żgur li ma ninsiex

Ħlomt…  u dil-ħolma ġrat tassew
Xewqat… illi fl-aħħar irnexxew
U naf… li kont int għalija,
għentni nirbaħ id-dgħjufija…
Qalbi ma tinsiex

B’hekk qed inkanta llum… ilbieraħ tar mar-riħ
Mhu se jwaqqafni ħadd… dal-waqt nibqa’ ngawdih
u dak li għidtli int… ma ninsiex
Erfajtni fuq ġwenħajk… biex ma negħjiex intir
u niddeċiedi jien… li għandu jsir isir
għax ħajti tiegħi biss… ma ninsiex

Qatt… fija nnifsi qatt m’emmint
sal-jum… illi f’ħajti tfaċċajt int
Fhimt…  li jekk ma naqtax qalbi,
jasal jum jinstema’ talbi
u jien ma nintesiex

B’hekk qed inkanta llum… ilbieraħ tar mar-riħ…

Qed nerġa’ ngħix mill-ġdid
Ngħix ħajti kif irrid

B’hekk qed inkanta llum… ilbieraħ tar mar-riħ…
Is-Sinjur
kliem: Emil Calleja Bayliss
mużika: Mark Scicluna
tkanta: Cherylis

Kien magħruf ta’ ħafna flus
imma qatt ma rajtu jbus
u f’dinjietu deher mitluf,
dejjem waħdu rajtu jħuf.

Aktar ġid ra kif akkwista,
għal butu dejjem irsista
għax jgħix f’dinja materjali.
favurih kien id-destin.

In-nies jafuh bħala s-sinjur,
bil-ġid kien donnu ser ifur,
jgħix ġo palazz qisu minjiera,
fit-tarf tat-triq  mal-kantuniera,
titkellem miegħu kien t’unur
dejjem bil-ġlekk pulit idur,
ħadd ma jaf x’hemm wara l-purtiera,
fit-tarf tat-triq mal-kantuniera.

Is-sinjur xħiħ,
ma kellux ħjiel,
x’hemm lest għalih.

Għodwa waħda deher sinjal,
imdendel ħdejn il-fanal,
il-palazz għall-bejgħ jinsab,
fi ftit jiem xi ħadd mar xtrah.

Xerred ġidu mal-batuti,
qassam kulma kellu x’juri.
Kemm ferħ ħass ma’ kull tbissima,
xtaq li jdawwar lura ż-żmien.

In-nies jafuh bħala s-sinjur,
bil-ġid kien donnu ser ifur,
jgħix ġo palazz qisu minjiera,
fit-tarf tat-triq  mal-kantuniera.

Issa s-sinjur m’għadux l-istess,
u fil-flus tilef l-interess,
in-nies ħabbewh u daru miegħu,
ma kellhomx ħjiel li waslet tiegħu.

Qassam kull sold u spiċċa b’xejn
u ħadd ma fehem għaliex, għalfejn,
ħadd ma kien jaf li kien marid,
x’jiswa l-ġid?

Kienu jafuh bħala s-sinjur,
bil-ferħ ġo qalbu qed ifur,
neħħa l-palazz qisu minjiera,
fit-tarf tat-triq  mal-kantuniera.
Issa jitbissem lil kulħadd,
u warrab minnu l‑beżgħat,
ħesrem inkixfet il-purtiera
fit-tarf tat-triq mal-kantuniera.

Għas-sinjur fqir,
wasal it-tmiem,
u skada l-ħin.

Ħallejt il-Passi Wrajk
kliem: Paul Ellul
mużika: Glen Vella
ikanta: Jurgen Xerri

Fittixt fil-paġni rotob f’dizzjunarju,
xi jfisser kliem bħal spazju, vojt u tmiem,
xi jfisser kliem bħal titlaq, tbewweġ waħdek,
xi jfisser kliem bħal mili, dmugħ u jiem.

Int kellek tant uċuħ u jdejn biex tmelles,
u kmamar b’sabar, b’għożża mimlijin,
u qlub li jfittxu leħnek għall-pariri,
kont sieħeb f’ħafna logħob u ġiri w żfin!

Ħallejt il-passi wrajk,
ħallejt ir-riħa tfuħ,
ħallejt mitwija l-qmis,
inħobbuk,
nixtiquk.

Ħallejt il-passi wrajk,
niftakar fik kuljum,
inbus ritratt merfugħ,
erġa’ lura,
irriduk.

X’fittixt li ma tajniekx fis-sliem u l-paċi,
imlejna d-dar bħal bejta kollha frieħ,
għax veru każ li l-bniedem qatt mhu hieni,
u jlebbet wara x-xejn w ix-xejn jagħmih.

Inħares lejn l-armar fi kmamar vojta,
u l-ġugarelli b’wajers imsaddin,
nixtieq, nixtieq timtela qalbi bl-hena,
għax inti biss ta’ ħajti timla l-ħin.

Ħallejt il-passi wrajk…

Ħallejt il-passi wrajk…

Fejn qiegħed u fejn tkun ma nkunux nafu,
li nafu hu li hawn ma narawk qatt,
kulma naraw ritratti mċajpra tiegħek,
li jlissnu f’qalbna l-ksur ta’ dan il-patt.

Ħallejt il-passi wrajk …
Ħanini
kliem: Walter Micallef
mużika: Walter Micallef
ikanta: Walter Micallef

Ħallini ħanini
Inserrep subgħajja
Għalxejn ġewwa xagħrek
U nħollu bil-ħlewwa
L-għoqiedi w bil-għaqal
Immelles u nwennes
Sakemm qajla qajla
Jingħalqu għajnejk.

Ħallini Ħanini
Inħejjek għall-ħolma.
Fuq fjuri tal-ġonna
Mal-friefet tittajjar.
Bil-ġwienaħ qotnija
Lejn sħab tat-tajjar.
Mal-merżuq tiżżerżaq,
Għal raqda aħjar.

Ħallih ir-riħ jonfoħ, ħallih tinkwetax
Ħa jfarfar il-weraq, sakemm ma jibqax
Imbagħad tiġi x-xita, u jfeġġ weraq żgħir
U x-xemx tgħinu jħaddar ħa jsir weraq kbar.

Ħallini ħanini
Inserrep subgħajja…

U tinqata’ ’l fuq
Ittir u dduq
Il-mistrieħ.

Il-Biża’ u Jien
kliem: Rita Pace
mużika: Pamela Bezzina
tkanta: Nadine Fenech

Kont tmaqdar u titfagħni
Ġo rokna, tumiljani
Tgħajjarni falliment…
Kapaċi għal xejn
Bi kliemek kont tkissirni
B’għemilek kont tbiċċirni
Tinfidni bħal stallett
Li jgħammex l-għajnejn

U leħen f’moħħi kien jirrepeti bla waqfien
Kliem li ġarraf, min hi l-vera Jien.

Imma mil-lum jien daqshekk emmint
Li tridni nemmen int
Se nisma’ biss dak li rrid jien
Mil-lum irrid ta’ ħajti nkun is-sid
U nibda ngħix mill-ġdid
Daqshekk għexna flimkien
Dil-biża’ u jien.

Biss għintni nimmatura
U qatt ma nħares lura
Inżomm ġo moħħi skop
li rrid ngħix għalih

Għalkemm int kont tbeżżagħni
f”kull ħaġa tikkritikani
taqtagħli qalbi, tgħaddasni fit-tajn
flok tgħinni, tqabbilni mal-oħrajn

Imma mil-lum jien daqshekk emmint
Li tridni nemmen int…

Sirt dak li jien illum
u niġi naqa’ u nqum
Jekk lilek ma jogħġbokx
L-aqwa li kuntenta jien!
Kont fl-għamad imma dfint
Il-gideb li sqejtni int
U minn ġol-fosdqa ħriġt
li inti nsiġt.

Għax jien mil-lum jien daqshekk emmint
Li tridni nemmen int,
Se nisma’ u ngħid dak li rrid jien!
Illum inbdilt u ħajti bnejt mill-ġdid
U l-ħolm li tfejtli int, b’kuraġġ ra dawl fiddien,
Bla biża’…din Jien.
Mellisni
kliem: Joe Chircop
mużika: Mark Spiteri Lucas
tkanta: Mikaela Bajada

Minn ċkuniti xtaqt li jkolli ħajja mlibbsa s-sliem u l-kwiet
Ngħix fil-ħemda tal-kampanja ’l hemm mill-għagħa li ssib fl-ibliet
Fil-benniena tan-natura fejn jintlibsu l-oħla lwien
Kollox f’postu f’armonija ma tarahx għaddej iż-żmien

Mellisni bi ftit benna
Li bħalha żgur ma ssib imkien
Libbisni l-ifjen libsa
Li ġiet meħjuta mill-ħolqien.
Mellisni bl-isbaħ noti
Kif jaf jgħanni l-ġojjin
Fissidni bi ftit raġġi
Tax-xemx tagħna l-Maltin.

Bogħod mill-ħsejjes tal-karozzi fejn m’hemmx dħaħen fil-madwar
Waqt li l-ħajja timxi ħienja mingħajr biża’ li l-ħin sar
Għad li bla teknolġija, mingħajr facebook, internet
Kollox jibqa’ miexi waħdu mingħajr skossi b’mod perfett

Mellisni bi ftit benna
Li bħalha żgur ma ssib imkien…

Għad li qatt ma marru skola dawn il-ħlejjaq ikellmuk
Bit-tbissima ħelwa tagħhom qatt wiċċ b’ieħor ma juruk

Mellisni bi ftit benna
Li bħalha żgur ma ssib imkien…

Tagħna l-Maltin.

Tama
kliem: Shyli, Jasmar Cassar, Kapitlu Tlettax
mużika: DJ Mac, David Leguesse, Shyli
ikantaw: Shyli, Jasmar Cassar ft Kapitlu Tlettax

Xemx u ragħad, tfittex id-dawl,
fid-dlam

Niftakar qiegħda noħlom mal-lejl,
li qiegħda hemm ma’ ġenbek,
qed inżommlok idejk.
Niftakar sew, qiesu llum,
Kulħadd hemm jibki kuljum
filli ħajtek tiegħek, filli f’daqqa waħda r-rota ddur

Qed nitkellem fuq tifel marid
ommna ssabbat rasha u tgiddeb lit-tabib
ħadd ma jaf il-futur
ħadd ma jaf li għandu jkun
faqqgħet sajjetta fil-bnazzi
żgur kien hemm xita kuljum.

Jikber fik,
it-tama ttir,
jikber l-uġigħ.

Ir-rota ddur,
x’jifdal fik?
Tmut ftit ftit.

Dik ħasbet li kellu marda banali
f’daqqa waħda indunat li kellu marda terminali
qatt ma ninsa ż-żminijiet,
kemm konna nilagħbu,
f’ħabta u sabta f’qiegħ ta’ sodda
kollu wġigħ u pajpijiet!

Xemx u ragħad, tfittex id-dawl,
fid-dlam

Bilqiegħda ħdejk,
l-aħħar bewsa fuq xufftejk
waqt li nkellmek narak iċċaqlaq ftit għajnejk
missier fehemni għalfejn.

X’għamilt ħazin biex minn ġo dan it-tip ta’ dlam jien għaddej?
Anzi jkolli ngħid li xtaqt li mitt jien f’dawn ix-xahrejn
nifhem għalfejn l-imħabba tmut quddiemek ma’ tista’ tagħmel xejn
dan il-wied ta’ dmugħ kellu jifred lilna t-tnejn
fuq ix-xogħol, il-ħin jieqaf waqt li nibqa’ jien għaddej
bħal dak id-dripp fil-vina li jkun qattar elf qatra malli jdoqqu s-sagħtejn
kif tista’ bla unur fi triqtek tibqa’ għaddej
meta taf li l-iskop int f’ħajtek tliftu
għalfejn taħdem issa għalxejn?
Nixtieq nitlob lill-Mulej biex jgħin lil dawk in-nies
li xi ħadd minnhom fil-ġlieda mal-kankru f’ħajtu kien għaddej

Għax mhux faċli titlef lil min ħabbejt
imqabbel mal-biki li bkejt
Mulej inħossni li għajejt
ma niflaħx iktar, ikun minni skont kelmtek
b’sogħba jien inwassal bid-dmugħ jien nitlaq
biss lilek nibqa’ nħaddan

Xemx u ragħad, tfittex id-dawl,
fid-dlam.

Ħsibt li int tlift il‑futur,
iżda x-xorti kellha ddur.

B’dak li kelli qatt ma kienet facli,
issa naf li għaddejt, b’hekk inħossni waħdi.

Qatt ma bsart li kellu jkun,
inħares lejk u qalbi tfur.

Jien inżomm il-passat, inti toffri l-futur,
għax dak li noffru flimkien naf li ħadd ma jista’ joffrih żgur.

Xemx u ragħad, jien sibt id-dawl,
fid-dlam.

Pupa tal-Plastik
kliem: Paul Ellul
mużika: Marco Debono
tkanta: Domenique
Meta kont tifla nilgħab bil-pupi.
nara kif nagħmel biex ma jweġġgħux,
mill-flixkun artab nisqi u nbennen,
taħt ftit dawl bati biex ma jibżgħux.

Xewqa bdiet tinbet ħielsa w sabiħa,
ħdani mimli bil-weġgħa tal-ħlas,
nisma’ l-bikja tqajjimni f’lejl xitwi,
ngħanni l-għanja li tnissel in-ngħas.

Pupa tal-plastik, ħu lewn id-demm,
ibki ta’ veru, għax qalbi midfuna fil-hemm.
Pupa tal-plastik, qum fuq saqajk,
imxi mar-ritmu, obdini ilqagħni f’dirgħajk.

Kemm nixtieq li jitqalu dirgħajja,
kemm nixtieq nibni album sabiħ,
demmhom demmi li jbaqbaq ġo fihom,
nimsaħ dmugħhom xħin jibżgħu mir-riħ.

Ħlomt għalxejn din il-ħolma sabiħa,
baqa’ vojt ġufi mimli b’tamiet,
baqa’ jokrob il-karba missielta,
baqa’ b’xewqa li qatt qatt ma mtliet.

Pupa tal-plastik, ħu lewn id-demm…

Bqajt inħaddan il-pupa tal-plastik,
u nbusilha ħaddejha kesħin,
xejn ma nagħmel jekk riedet is-sema,
ma jridx jimla lil qalbi f’xi ħin.

Pupa tal-plastik, ħu lewn id-demm…

Ilqagħni f’dirgħajk.

 

Ħabta u Sabta

kliem: Andy Muscat
mużika: Mark Scicluna
ikanta: Andy Muscat

Kont kwiet, qatt ma tgerger, fil-folla tispikka ma stajtx.
Fi skola enormi kont tħossok daqs tikka, ma drajtx.
Qatt ma bbrillajt fl-edukazzjoni,
fl-isport ma tantx għamilt suċċess;
dejjem tistaħba waqt il-lezzjoni,
ma turi qatt ftit interess.

X’ħa jiġri jekk f’salt nisparixxi?
Jekk fuq il-gazzetta taqr’ ismi?
Jekk fil-klassi ma taranix,
Ma terġax tismagħni?
Jekk ismi jinsab fir-rassenja
U posti fil-klassi battal,
Se jsaqsu għalija l-oħrajn jew bilkemm jindunaw?
Forsi ħsadtek bla ma naf.
Forsi bkejtni, jien fejn naf.
Ħdax-il sena ġejt misluf,
Ħabta u sabta u kont mitluf.

Kif se ndur lejn ommok li tant kienet kburija bik?
Lejn għajnejn missierek li kien lest illi jmut għalik?
Isemmu biss, lil oħtok iżgħar
Daqshekk il-kliem, fuqkom it-tnejn.
Ħarsithom ’l hemm, lejn fejn kien postok
U fejn illum ma fadal xejn.

X’ħa jiġri jekk f’salt nisparixxi?
Jekk fuq il-gazzetta taqr’ ismi?…

Tismagħhom spiss fl-aħbarijiet
Dawn il-ġrajjiet ta’ mard u mwiet.
Ma tagħtix kas għax ma tobsorx li stajt kont int.
Sakemm xi darba lilek tmiss,
Lil xi ħabib jew xi ħadd qrib.
F’ħakka ta’ għajn mingħajr avviż.

Inti ħsadtni bla ma taf
U kemm bkejtek, int qas taf.
Ħdax-il sena ġejt misluf,
Ħabta u sabta u kont mitluf

Ngħidlek
kliem: Joe Julian Farrugia
mużika: Miriam Christine
tkanta: Miriam Christine

Dal-ħin din qalbi tfawwar mgħannaq ħsiebi fik
Il-ħajr li kont għażiltni kemm nixtieq nurik
Niftakar żmien li għadda u tar, mar-riħ

Għalija dejjem kien hemm int fil-ferħ u d-diq
Kont sur quddiemi meta ħabbtu l-mewġiet
Matul s-snin żammejna sħaħ, flimkien

Illum li m’għadekx haw’
Jitnissel f’qalbi mrar
Għall-ħsieb li qatt ma ntqal
Irrid…

Ngħidlek
Dak li hemm mistur ġo din il-qalb
Dak il-kliem li ma stajt ngħidlek qatt
Kemm xtaqt li lissint inħobbok
Ngħidlek
Serraħ rasek, orqod, strieħ fis-sliem
Għallimtni ngħix u nħobb u nkun li jien
Ngħidlek

Minn skietek u għemilek ħadt eżempju kbir
Urejtni b’għerf x’inhu tal-ħajja t-tifsir
Biex ħajti tkun imħabba fil-ġejjien

Illum li m’għadekx haw’
Nixtieq li int tkun taf
Il-ħsieb li qatt ma ntqal
Irrid…

Ngħidlek
Dak li hemm mistur ġo din il-qalb….

U nibqa’ rrid narak
Nisimgħek kemm nixtieq
Imqar fil-ħoss tar-riħ, f’żerniq

Ngħidlek, ngħidlek
Dak li ma stajt ngħidlek qatt
Ngħidlek
Serraħ rasek, orqod, strieħ fis-sliem
Għallimtni ngħix u nħobb u nkun li jien
Ngħidlek……. Inħobbok pa.

Id-Dieher
kliem: Augusto Cardinali
mużika: Augusto Cardinali
ikantaw: Graziana Axisa u Neville Refalo

Ġieli smajthom jgħidu, dari
Għall-quddies jilbsu l-għonella,
Xi maktur imkebbeb f’rashom
Jew inkella forsi xalla.

U l-irġiel libsu s-sidrija
Ma’ xi terħa u beritta.
Minn sinjur, b’surtun u tomna
Biex bid-dehra jiddelitta.

Imma ż-żmien biddel il-ħwejjeġ.
Minn li kien, fadal biss bċejjeċ.
U d-drawwiet
Biddlu d-dehriet!

Kulħadd għandu l-ħwejjeġ tiegħu.
Kulħadd għandu l-istil tiegħu.
Illi jagħmlu dak li hu.
W għandu dritt ta’ kulma hu.
Ħwejjeġ tiegħi jiġu lili.
Ma nlibbishom qatt lil ħadd.
Kulħadd jilbes li jidhirlu
U kulħadd jgħix ma’ kulħadd.

Rajt lil dak u ġġudikatju (Ippruvajt)
Skont l-ilbies li nilbes jiena. (Accettajt)
Smajt lill-ieħor jgħid x’ser jilbes
U jaħasra ġabli ħniena.

Ippruvajt lil dik inlibbes (Indunajt)
Dawk il-ħwejjeġ li lbist jiena. (Accettajt)
Ġiet tad-daħq! Xejn ma xerqulha!
U l-inkwiet nibet u fniena.

U ndunajt, li ħwejġi tiegħi.
Aċċettajt min ma jaqbilx miegħi.
U tgħallimt
U f’qalbi fhimt!

Kulħadd għandu l-ħwejjeġ tiegħu…

Kulħadd għandu l-ħwejjeġ tiegħu…

Bħal Tifla Żgħira
kliem: Rita Pace
mużika: Marco Debono
tkanta: Maria Cassar

Nieħu gost nitkellem miegħek
Għalkemm int ma tifhimnix
Lanqas biss tweġibni lura
Xi kultant ma tagħrafnix

Nieħu ħsiebek bħal tarbija
Waħdek ma taf tagħmel xejn
Kuljum naħslek, inbiddillek
Inżommok fuq wiċċ l­idejn

U għalkemm ma tkunx trid tiekol
Jiena xorta nisfurzak
Nibża’ li tinsa xi ħaġa
Waħdek ma nistax nafdak

Bħat­tfal żgħar kuljum nitimgħek
Saħħa ftit għandek f’idejk
Kemm nixtieqek tlissen ismi
Imqar darba b’dawk xofftejk

Għax illum bħal tifla żgħira
Sirt għax għamel bik iż-żmien
U bħalma kont terfa’ lili
Illum qed nerfgħek jien

U nixtieq illi tifhimni
Meta ngħid xi nħoss għalik
Għax għalkemm inti lili nsejtni
Lilek jien qatt ma ninsik!

Jien niftakrek fl­aħjar tiegħek
Meta ma kont tegħja qatt
Kont ir­ruħ ta’ dil­familja
Dejjem tieħu ħsieb kulħadd

Niftakarni meta mbeżżgħa
Bil­lejl niġi norqod ħdejk
Waqt xi maltempata għaddejja
Idejja kont iżżomm f’idejk

Kont tgħid li l­ħajja bħal ħolma
Kemm l­ikrah u s­sabiħ
Naħseb biss f’dak li hu tajjeb
U l­ikrah malajr ninsieh

U nixtieq li wkoll din ħolma
U għad nistembħu aħna t­tnejn
Nerġgħu lura għal li konna
Jerġgħu jiddu dawk l­għajnejn!

Iżda llum bħal tifla żgħira…

Iżda llum bħal tifla żgħira…

Taptipa fuq l-Ispallejn
kliem: Emil Calleja Bayliss
mużika: Pamela Bezzina
tkanta: Michela Dalli

Minn meta tifla ċkejkna
il-ktieb dejjem ħabbejt
tant jien kont nintilef
illi niekol ġieli nsejt…

… u fi stejjer qosra
tagħlima kont insib,
nipprova dejjem nifhem
ta’ ċkejkna bla stagħġib…

Kliem m’għandix biex nuri apprezzament
żgur minn qalbi dan ringrazzjament.

Taptipa lil dal-ħbieb fuq l-ispallejn
wasslulna l-messaġġ b’dawn il-kelmtejn,
b’xi poeżija, proża jew rakkont
daħħluna fl-ifjen sfond.

Taptipa għal dal-wirt fuq l-ispallejn
għax fl-għożża tiegħu kbirt,
issaħħart b’maġija ta’ dal-kliem
illi f’leħħa jiena qrajt mill-bidu sat-tmiem.

Bil-mod il-mod bdejt nikber
niskopri tant siltiet
illi kienu tfasslu
mill-qalb bl-egħżeż ħiliet…

Kliem m’għandix biex nuri apprezzament
żgur minn qalbi dan ringrazzjament.

Taptipa lil dal-ħbieb fuq l-ispallejn…

Taptipa għal dal-wirt fuq l-ispallejn…

Naħseb jien, xi ġmiel t’identità
għandna b’dil-kitba, kburija… b’umiltà.

“Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi,
isbaħ u bħalek jien ma narax;
ruħi mingħajrek bħal fomm imbikkem
li jrid jitkellem u ma jistax”  – ‘Ilsien Pajjjiżi’ ta’ Anastasju Cuschieri

Jekk xi wħud minnkom qegħdin hawn,
ktibt din l-għanja għalikom biex taraw,
li għad hawn nies bħali lilkom japprezzaw.

X’Se Jsir
kliem: Corazón Mizzi
mużika: Corazón Mizzi
tkanta: Corazón

Mill-qoton issir qlejba għal tarbija tat-twelid
Mill-plastik brazzuletta roża marbuta mal-id
Miċ-ċraret tinħiet pupa, għajnejha biss buttun
Mill-karta ajruplan, mill-ġilda jsir ballun

Il-fidda u d-deheb jinħallu, isiru flus
U l-kaxxa li rmejt fit-triq saret kenn għal xi qattus
Mill-qamħ isir il-ħobż, mill-għeneb l-inbid
U siġra ssir pitazz, jew sett tas-sodda ġdid

Minna x’se jsir?
Mill-imħabba li akkumulajna tul is-snin
Tgħid tibqa’ jew ittir f’eternità li ma nifhmux
Jew daqt isirilna l-ħin?

Mir-ram issir ħabbata, jew strument tal-infiħ
U qlajja ssir verità jekk idawwarha r-riħ
Mill-ħadid isiru l-vireg għal min żbalja u qafluh
Jew min ġie bżonn l-għajnuna għax minn ġewwa muġugħ

Minna x’se jsir?
Mill-imħabba li akkumulajna tul is-snin…

Minna x’se jsir?
Mill-imħabba li akkumulajna tul is-snin…

Mill-bronz saret qanpiena tgħajtilna għall-quddies
L-irħam inqata’ u fuqu tnaqqxu l-ismijiet tan-nies

Jien Biss
kliem: Joe Julian Farrugia
mużika: Dominic Cini
tkanta: Dorcas

Dmiri mhux żgħir, nagħmlu minn qalbi
bla qatt iddejjaqt…
Iebes l-għajxien, ngħaddi kif nista’
u kull sold infaqt…

Ma jifhmunix, mhux dejjem faċli
ngħix il-ġurnata bla ħjiel tal-ġejjien…
Jaħsbuni wħud kollni kapriċċi
ma jafux min jien…

Jien l-omm u l-missier
il-kok, l-infermier
kulma jinqala’, kollox waħdi…
L-omm u l-missier
l-għalliema, x-xufier
jien biss għal uliedi, jien biss…

Ilsien in-nies dejjem jixlini
bla jaf il-passat…
Faċli jparlaw, moħħhom biss fija
jżidu fil-weġgħat…

Ma ntajjarhomx il-benefiċċji
dawk id-dritt tiegħi u qatt m’abbużajt
uliedi wkoll ħaqqhom trobbija
tajthom kulma stajt…

Jien l-omm u l-missier…

’L uliedi nixtieqhom jirnexxu
dawk żgur illi ħtija m’għandhomx
Se nibqa’ nissielet għalihom sat-tmiem
għalihom biss jien qed ngħix…

Jien l-omm u l-missier…

Xagħar Twil
kliem: Ingrid Vella
mużika: Mark Laurence Zammit
tkanta: Denise Spiteri

Waħdi nqalleb ir-ritratti
Nostalġija tal-passat:
L-ewwel darba għall-iskola
Xagħri malju u ppettnat.
Hawn ritratt kont qtajt il-frenża
Bla ma ommi kienet taf,
Kif bdejt nikber bqajt intawlu,
Qabel noħroġ nillixxah.

Kien jeħodli l-isbaħ siegħa
Sa ma nġibu lixx perfett,
Kont inħossni femminili
B’xagħri twil u mbagħad b’dublett,
Sa ma darba fuq l-investa
Bdew jaqgħuli trofof sħaħ,
Rasi mmiss u x-xagħar jiżżerżaq
Dmugħ iġelben għax kont naf…

Għalkemm nilbes xagħar ħaddieħor
Jekk tintebaħ, titnikkitx
Dak li nitlef jerġa’ jikber
… inkun tliftu għal ftit żmien

Iebsa kienet kif qaluli
Tgħidlix x’ġara dakinhar…
Kulma naf tabib kellimni
U sammarni b’dik l-aħbar.
L-għada sħabi kkonvinċewni
Xagħri naqtgħu stil qasir
Għax bir-raġġi li ordnawli
Jaqa’ x-xagħar fi żmien qasir.

Ħadt ritratt, għamilt il-make up
Min jaf hux tal-aħħar dan?
U bqajt sejr’ għand il-hairdresser,
Qaltli: “X’ħasra xagħar bħal dan…”
Mur għidilha kontra qalbi
U li għażla ma kellix,
Ftit jiem wara ratni nqaxxru
Dakinhar ma kellmitnix…

Għalkemm nilbes xagħar ħaddiehor…

Din tal-mera qatt ma rajtha,
Ma tixbaħni xejn u xejn,
Tidher vittma, tidher tbati,
Lanqas għandha mqar ħuġbejn!
Iss’hawn ġuvni jitbissimli…
Ħares lejja ġa darbtejn…
Min jaf jafx li dan mhux xagħri…
U li taħtu m’għandi xejn…

Ħadt iż-żmien biex aċċettejtha
Bis-sapport ta’ dawk li nħobb,
Li għenuni nibdel fehmti
Biex niġġieled dan l-intopp.
‘Ġa qed jikber u jisponta
Għadda wkoll dan l-eħrex żmien,
U bħal meta għadni tifla
L‑lejla naqta’ l-frenża jien.

Waħdi Miegħek
kliem: Ingrid Vella
mużika: Kaya
tkanta: Graziella Vella

Jitmelles il-mewġ, max-xtajta jitbewwes,
Riflessi tad-dwal jiżżellġu f’xulxin,
Fuq mejda għalina: inti u jiena,
Waqt ikla bejnietna għal żewġ maħbubin.

Waħdi… Miegħek…
Arani nħares lejk
Kellimni… Nisimgħek…
Agħtini mqar idejk
Ħallik minn dak il-mowbajl
Tibqax tgħix quddiem sceen
Għix issa dal-mumenti
Mumenti ta’ xulxin

Ħallik mir-ritratti tal-platt u s-sarvetta,
Bil-filters tirranġa l-kuluri tal-ħobż,
Tippostja lil sħabek li qatt ma ltqajt magħhom,
U magħhom tixxerja l-ħin tagħna t-tnejn.

Waħdi… Miegħek…

Nitbissmu għal stessu biex titfgħu dritt online
Ħa ngħoddu l-likes m’għand nies barranin
Ħa nkejlu s-suċċess tal-ikla bejnietna
Bejn żewġ maħbubin li online kull ħin.
Għax screen bi screen, aħjar bqajt id-dar
Bil-laptop int stajt issegwi aħjar
Għallinqas tkellimni, fuq twitter tpespisli
Tibgħatli l-messaġġi, billejl u bi nhar.

Waħdi miegħek.

Waħdi… Miegħek…

Waħdi… Miegħek…
Arani nħares lejk
Kellimni… Nisimgħek…
Agħtini mqar idejk

Waħdi…
Miegħek…
Waħdi…

 

Ta’ Billejl

kliem: Paul Ellul

mużika: Mark Spiteri Lucas

ikanta: Neville Refalo

 

Photo  

 

Kanzunetta li titkellem dwar relazzjoni ta’ missier ma’ wliedu li meta kienu żgħar ma kienx joqgħod ħdejhom u jilgħab magħhom għax dejjem ikollu x’jagħmel u kien jaħdem ta’ billejl. Uliedu jistaqsu għalih u juru li jriduh imma hu dejjem kien iweġibhom li ta’ billejl u jibgħathom jorqdu. Fl-istess ħin iserraħ rasu li wliedu jinsabu mistriħin u mgħottijin sew fil-friex. Iżda ż-żmien jgħaddi malajr, il-missier xjaħ u ġie bżonn ’l uliedu. Meta jċemplilhom, filwaqt li kien jiftakar fi kliemu tal-passat, kien jieħu dejjem l-istess risposta li hu kien jagħti lil uliedu snin qabel. Il-kanzunetta mhix qiegħda twassal messaġġ negattiv li kif tagħmel jagħmlulek imma l-messaġġ hu pożittiv għax turi l-bżonn li flok naħdmu lejl u nhar, niddedikaw ħin għall-familja għax iż-żmien itir u nkunu tlifna opportunita` sabiħa li nkunu flimkien.

 

Neville beda l-karriera tiegħu 15 snin ilu taħt it-tagħlim tal-Maestro lokali Bryan Cefai. Hu ha sehem f’diversi festivals lokali fosthom il-Festival Kanzunetta għall-Ewropa, Festival Indipendenza, Festival Kanzunetta Maltija u l-Għanja tal-Poplu. Kien rebbieħ ukoll tal-festival Malta Hit Song Festival bil-kanzunetta One Day fl-2010 li biha wkoll rrappreżenta lil Malta fil-festival Universong Festival li sar fi Spanja fl-istess sena fejn hu kiseb il-Premju prestiġjuż tal-Aħjar Artist Internazzjonali fil-festival. Neville ħa sehem b’suċċess ukoll f’aktar festivals internazzjonali fosthom La Vela d’Oro u l’Anziano della Societa fl-Italja kif ukoll il-Golden Melody International Song Festival f’Ċipru u l-festival prestiġjuż the Song of the Mediterrenean li sar ġewwa Montenegro.

 

Neville jifforma parti minn diversi baned famużi lokali fosthom  il-Conrad Briffa Band kif ukoll jahdem fil-qrib ma baned ohra bhall-Big Band Brothers u l-Versatile Brass Band. Ha sehem ukoll fl-ewwel żewġ edizzjonijiet tar-Rockestra fl-2009 u l-2010 taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud. Huwa membru wkoll ta’ l-iSpiteri Lucas Band li magħhom kien jagħmel parti mill-programm Sas-Sitta u Sibt Familja bħala kantant residenti.

 

 

Ma Ninsiex

kliem: Joe Julian Farrugia

mużika: Augusto Cardinali

tkanta: Deborah Dalli

Photo  

Fil-ħajja faċli taqta’ qalbek. Ma tantx issib min jaħsillek wiċċek biex issir aħjar minnu. F’ħajja fejn kollox huwa tellieqa biex min l-aqwa biss iħawwel, il-bniedem jista’ jaqta’ qalbu, jaħseb li mhux kapaċi u ma japprezzax it-tajjeb li hemm fih. Issib imbagħad dik il-persuna li temmen fik, li tgħinnek tinduna bis-sabiħ ta’ ġo fik u li mindu titfaċċa hi, tinbidel il-ħajja, u flok tiddependi fuq dak li jgħidu n-nies, issir tassew int… uniku…  Min jgħinna f’dan kollu, ma nistgħu qatt ninsewh.

 

Deborah Dalli began her musical journey at 6 years old, studying with Doreen Galea and participating in many song festivals, performing mainly in Maltese and Italian.

 

Deborah started studying piano at the School of Music, Valletta, at age 7 and was also a member of the Malta Children’s choir, and the Kikkiriki choir led by Olivia Lewis

 

Since August 2015, she has been studying vocal technique, being coached by Claire McCartin.

 

And in March 2016, she attended the musical theatre workshop “A week in the life” organised by DLS Productions, set in the Margaret Howard Theatre College, London. There, she got an idea of what it’s like to spend a week in the shoes of a real performer-in-training in London.

 

 

Ħallejt il-Passi Wrajk

kliem: Paul Ellul

mużika: Glen Vella

ikanta: Jurgen Xerri

 

Photo  

 

 

Kanzunetta li titkellem dwar deċiżjoni tal-missier li jitlaq lill-familja biex imur jgħix avventura oħra li mingħalih tagħmlu kuntent. Wieħed minn uliedu qiegħed juri x’iħoss f’mumenti bħal dawn, kull fejn iħares jiftakar f’missieru u leħen missieru jisimgħu ħiereġ biss minn sett ta’ ritratti li baqgħu tifkira tiegħu. U l-iben jistaqsi x’seta’ kienet il-kawża biex missieru jħalli d-dar.

Jurgen Xerri twieled fi 28 ta’ Frar 1999 u ilu jkanta minn meta kien għad għandu seba’ snin. Ta’ eta’ żgħira beda juri interess fil-mużika u beda jitghallem għand għalliema professjonali. Għal dawn l-aħħar erbgħa snin, beda jitħarreg għand l-għalliem tal-kant Glen Vella ġewwa VocalBooth studios.

Jurgen beda jieħu sehem f’ħafna attivitajiet ġo kor iktar milli bħala solista. Iktar tard beda jkanta bħala solista u kellu l-ewwel diska oriġinali tiegħu ‘Il-Ħbieb u Jien’. Għalkemm beda t-triq ta’ solista xorta waħda baqa’ jieħu sehem f’korijiet bhal Animae, Journey u għal dawn l-aħħar erbgħa snin ħa sehem ukoll fil-Pop and Musical Concert ma’ Spiteri Lucas Entertainment. Jurgen jagħmel parti wkoll mill- grupp tal-Vocal Troupes.

Ħa sehem ukoll fuq programm televiżiv Project News li kien programm informattiv imtella’ mit-tfal għat-tfal.

 

Jurgen ipoġġi għall-eżamijiet tar-Rock n Pop ta’ Trinity College of London fejn bħalissa qiegħed fi grad 2.

Beda wkoll jieħu sehem f’xi festivals li jsiru f’pajjiżna u f’wieħed partikolari hu kien intgħażel biex imur jirrapreżenta lil Malta ġewwa l-Polonja. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fejn kanta ma’ orkestra. Ħa sehem ukoll f’festivals bħal KKI Junior u l-KKI Talent Ġdid. Hu jaspira għal futur li jibqa miexi fuq din il-linja u javvanza dejjem ‘l quddiem biex xi darba jagħmel unur għal pajjiżu.

 

Is-Sinjur

kliem: Emil Calleja Bayliss

mużika: Mark Scicluna

tkanta: Cherylis

 

 

Photo

Il-kanzunetta ‘Is-Sinjur’ titratta tema soċjali fejn tirrakonta ġrajja ta’ persuna li f’għajnejn is-soċjeta’ hu sinjur pero l-populin ma kienx jaf minn xix kien għaddej il-famuż sinjur; f’għajnejhom kien biss persuna xħiħa li jagħmel biss għal flus. Il-bidla f’din il-persuna deheret hekk kif xeħet il-propjeta’ tiegħu għal bejgħ u bil-flus li daħħal minnha għen lil komunita’ u grazzi għal dan l-oppinjoni ta’ pubbliku fuqu malajr inbidlet. Il-bidla tal-persuna pero kienet minħabba l-fatt li għaref kemm hi prezzjuża l-ħajja issa li laqtitu marda terminali, u għalkemm kien għaddej minn dak id-dulur sab il-vera ferħ fih innifsu ħabba l-ġid kollu li kien qed jagħmel b’ġidu. In-nies ma kienux jafuh b’dan, skoprew biss wara li ġie nieqes. Mill-istorja ta’ din il-kanzunetta joħroġ car li fil-ħajja mhux kemm ikollok flus jgħodd, imma li ssib il-kuntentizza ġewwa qalbek ikollok xi jkollok għax il-flus żgur li mhux kollox f’din id-dinja.

 

Cherylis, imwielda fit-28 ta’ Marzu 1995, hija minn Fleur de Lys, reġjun f’Birkirkara. Hija kemm kantanta, kif ukoll attriċi, apparti li bħalissa hija qiegħda taqra għal ċertifikat fil-baċċelerrat tal-Arti bi speċjalizzjoni fil-Malti u l-psikoloġija ġewwa l-Università ta’ Malta. Preżentament hija qedgħa tiġi mħarrġa fil-kant minn Glen Vella, ta’ Vocal Booth Studios.

Il-ħajra għal kant bdiet xi ħmistax-il sena ilu, u Cherylis bdiet tikkompetti f’diversi produzzjonijiet lokali fosthom; L-Għaqda fil-Melodija, L-Għanja tal-Maltin, Junior Eurosong, Konkors Kanzunetta Indipendenza (Kantanti żagħżagħ, kategorija li hija rebħet bil-kanzunetta “Nemmen Fik” bi kliem u mużika ta’ Rita Pace) u kif ukoll l-aktar riċenti, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza (Talent Stabbilit) fejn hija spiċċat fit-tielet post bil-kanzunetta “Ħolma ta’ Nazzjon” fuq kliem ta’ Rita Pace, u mużika ta’ Marco Debono.

Il-kantanta femminili kellha diversi opportunitajiet li tirrapreżenta lil Malta lil’hinn minn xtutna fosthom f’kompetizzjonijiet li saru L-Eġittu, L-Italja, L-Estonia, u r-Rumanija. Kull pajjiż li żaret hija kisbet mhux biss riżultat sodisfaċċenti għall-aħħar iżda ammont kbir ta’ rispett. Apparti l-kant, Cherylis hija wkoll pjanista brava, ċċertifikata mil-London College of Music.

 

Sa mill-1994, Cherylis minn dejjem kienet involuta fi produzzjonijiet teatrali, u uħud minnhom jinkludu “Ghost Busters”, “SMS Mingħand Ġesù”, “San Sebastjan”, “San Ġorġ Fjur u Martri”, “Greases”, “San Leonardu”, “Mosè u l-Għaxar Kmandamenti”, “Rex Ideorum” u “Ġensna in Concert”.

Fis-sena 2015, Cherylis kienet magħżula minn grupp ta’ scawts li jfittxu t-talent sabiex tirrapreżenta lil Malta fil-kompetizzjoni “Una Stella Sta Nascendo”.  Fl-aħħar fażi, hija rebħet il-kategorija tagħha wara diversi interpretazzjonijiet liema bħalhom.

 

Ħanini

kliem: Walter Micallef

mużika: Walter Micallef

ikanta: Walter Micallef

 

Photo  

 

Ħanini hija tħannina ħelwa ambjentata fil-ħin ta’ qabel l-irqad fejn l-omm jew missier qegħdin iwennsu lil wild tagħhom u jippreparhom għall-irqad. Il-kanzunetta tibni fuq ir-rabta bejn il-ġenituri u t-tfal filwaqt li tagħti u turi l-imħabba, tqanqal l-imaġinazzjoni u tgħallem dwar il-ħajja.

Walter Micallef ilu jikteb u jkanta kanzunetti oriġinali bil-Malti għal aktar minn 35 sena. Ħafna xogħolijiet tiegħu ġew ippreżentati fil-festival ‘L-Għanja Tal-Poplu ‘ li rebaħ diversi drabi. Walter jikteb dwar il-ħajja bi sfond soċjo-politiku kif ukoll għanjiet oħra ta’ mħabba u oħrajn.

Walter ħareg l-ewwel cd album tiegħu fi Frar ta’ l-2003 intitolat ‘M’Jien xejn.’ B’ġabra ta’ 14-il silta oriġinali bil-Malti – xogħol li intlaqa’ tajjeb ħafna mill-publiku. F’Marzu ta’ l-2007, Walter Micallef ħareg it-tieni cd album tiegħu ntitolat ‘Ħamsin’ – album li ukoll ġie milqugħ tajjeb ħafna. Walter kien mistieden mill-Universita ta’ Bremen fil-Ġermanja sabiex ikanta xogħolijiet tiegħu. Bħalissa qiegħed jaħdem fuq proġett li għandu jwassal għal ħrug ta’ cd album oriġinali ieħor.

 

 

Ħabta u Sabta

kliem: Andy Muscat

mużika: Mark Scicluna

ikanta: Andy Muscat

 

Photo  

Il-kanzunetta hi ispirata minn numru ta’ traġedji fuq tfal, li sfortunatament ġraw f’dawn l-aħħar snin.    Dawn l-affarijiet jaħsdu lil kull min b’xi mod ikun involut fil-ħajja ta’ dawn it-tfal.  Spiss naħsbu fuq id-dieqa tal-ġenitur u tal-ħbieb u ninsew l-impatt li telfa bħal din tħalli fuq xi ħadd bħall-għalliem, li jqatta’ ħafna ħin mat-tfal u jrid jaffaċċja l-kumplament tal-klassi u l-vojt li ħalla warajh l-istudent.

Andy Muscat huwa l-awtur u l-kantant tal-kanzunetta, ‘Ħabta u Sabta’ fuq mużika ta’ Mark Scicluna.  Andy daħal fid-dinja tal-mużika meta kien l-Università; kien ikanta ma’ kor u beda jipparteċipa fil kunċert Strummin’.  Ħa sehem ukoll f’diversi produzzjonijiet fit-Teatru Manoel, fosthom Fiddler on the Roof u l-pantomimi, Little Red u Robin Hood.  Ħa sehem fil-produzzjoni ta’ 1565 – The Musical u flimkien m’ Animae Gospel Choir kien parti mill-ftuħ tac-CHOGM. Andy jitħarreġ fil-vuċi għand Pamela Bezzina.  Bħala għalliem tas-sekondarja, Andy, jagħmel l-għalmu tiegħu biex jippromwovi l-importanza tal-arti fl-edukazzjoni.

 

 

Mellisni

kliem: Joe Chircop

mużika: Mark Spiteri Lucas

tkanta: Mikaela Bajada

Photo  

 Il-ħsieb ewlieni tal-kanzunetta ‘Mellisni’ hu li ħafna drabi l-bniedem ikun jeħtieġlu jinqata’ mill-istorbju tal-ħajja mgħaġla biex ikun jista’ jgawdi s-sbuħija tan-natura li ddawwarna. Hemm paraguni qawwija bejn it-teknoloġija li ġabitna skjavi tagħha, u l-kwiet u l-ħemda tan-natura li fiha kollox jaħdem perfett. Id-deskrizzjoni tal-kwiet, tal-ifjen libsa li taf tilbes in-natura, l-għana tal-għasafar flimkien mar-raġġi sħan tax-xemx Maltija hi prova ta’ kemm ma nafux kemm qed nitilfu minn dak li għandna sabiħ madwarna. Fl-aħħar il-kanzunetta tagħmel ukoll referenza għall-fatt li n-natura fis-sempliċità tagħha qatt ma turik wiċċ b’ieħor.

Mikaela twieldet fis-6 ta’ Novembru 1996 u għandha 19-il sena.  Hija qegħda fit-tieni sena fl-istudji tagħha fil-mużika fl-Universita ta’ Malta.  Tistudja wkoll l-pjanu taħt id-direzzjoni ta’ Alison Hili u l-kant taħt id-direzzjoni tal-għalliema Pamela Bezzina.  Ix-xewqa tagħha hi li jkollha karriera fil-mużika.

Mikaela ħadet sehem f’diversi festivals lokali fosthom fil-festival Kanzunetta Indipendenza Żgħażagħ, li hija rebħet fl-2015, bil-kanzunetta ‘Għandi Ħolma’.

 

Tama

kliem: Shyli, Jasmar Cassar ft Kapitlu Tlettax

mużika: DJ Mac, David Leguesse u Shyli

ikantaw: Shyli, Jasmar Cassar ft Kapitlu Tlettax

 

Photo  

 

Fil-bidu tal-2016, Shyli esprimiet ix-xewqa tagħha li tikteb kanzunetta dwar il-marda kiefra li attakkat lil ħuha Jasmar ta’ etá żgħira ħafna. Ta’ madwar tlett snin, Jasmar sab ruħhu jikkumbatti kontra l-marda tal-kanċer.

Fil-kanzunetta, Shyli tirrakkonta kif sabet lilha nnifsha quddiem is-sodda tal-isptar fejn rat lil ħuha bla saħħa jiġġieled għal ħajtu. Jasmar jirrakkonta l-istorja tiegħu u jesprimi l-uġigħ u n-nuqqas ta’ tama li tħoss meta issib ruhek f’din is-sitwazzjoni. Fil-kanzunetta, Joseph (membru ta’ Kapitlu Tlettax) jirrakkonta storja sensittiva oħra. Huwa jirrakonta mil-perspettiva ta’ zijuh li reċenti ra lil martu tiġġieled kontra din il-marda.

Il-kanzunetta jisimha “Tama” għax għalkemm mhux kulħadd jirnexxilu jirbaħ fuq din il-marda, tirrakkonta kif Jasmar rebaħ il-ġlieda kontra l-kanċer.

Shyli għandha 16-il sena. Shyli bdiet turi l-interess tagħha għall-mużika minn etá żgħira. Għal xi tul taż-żmien, Shyli waqfet il-karriera tagħha u ta’ ħmistax-il sena, reġgħet bdiet tikteb kanzunetti ġodda ma ħuha Jasmar. Ta’ 16-il sena, Shyli ħarget il-kanzunetta tagħha “Il-Patt”, kanzunetta li kitbet il-lirika tagħha hi stess u għamlet suċċess madwar Malta kollha.

Jasmar Cassar għandu 17-il sena. Minn ta’ etá tenera, Jasmar attenda xi akkademji mużikali u ħa sehem f’diversi konkorsi importanti fix-xena mużikali fosthom “JESC 2008”, “JESC 2010” u aktar. Ta’ madwar 13-il sena, Jasmar beda jikkomponi il-mużika u f’ Settembru tal-2015, Jasmar ħareġ il-kanzunetta tieghu “Just Be” li għaliha ikkompona il-mużika u anke ipproduċa il-video hu stess.

Kapitlu Tlettax huwa magħmul minn Joseph u Dwardu. Il-grupp ġie ffurmat fis-sajf tal-2015. Għalkemm Jasmar u Shyli huma versatili ħafna fl-aspetti mużikali, Kapitlu Tlettax hu aktar ibbażat fuq stil ‘Hip Hop’ fuq nota kemxejn ribelluża pero hemm ukoll element sentimentali.

 

 

Pupa tal-Plastik

kliem: Paul Ellul

mużika: Marco Debono

tkanta: Domenique

 

Photo  

Il-kanzunetta ‘Pupa Tal-Plastik’ titratta fuq persuna li minn mindu kienet ċkejkna kienet tilgħab bil-pupi u tagħmel minn kollox biex tipproteġihom. Nibtet xewqa li xi darba tesperjenza din l-esperjenza li ssir omm u tħoss l-emozzjoniijiet. Sfortunatament hija baqgħet tħaddan il-pupa tal-plastik.

 Il-messaġġ wara din il-kanzunetta hija li wara kull individwu hemm storja minkejja il-ferħ li jixhed il-wiċċ.

 

Domenique Azzopardi twieldet fis-7 April ta’ l-1995 u minn dejjem kienet tħobb it-talent tal-kant. Hija bdiet tieħu lezzjonijiet dwar l-analiżi teknika tal-vuċi mal- kantanta Maltija u l-għalliema Phyllisienne Brincat meta kellha 4 snin.Domenique kisbet suċċessi u premjijiet ġewwa gziritna u kif wkoll f’pajjiżi barranin bħall-Tunez, l-Italja, Sqallija, il-Germanja, l-Awstrija, ir-Rumanija , l-Bulgarija kif ukoll kellha l-opportunita’ li taghmel ‘audition’ ghall-‘Britian’s Got Talent’ gewwa Londra, mmexxija mill-kumpanija ta’ Simon Cowell. F’Malta, hija kisbet ħafna esperjenzi . Hija kienet involuta fuq programmi u kunċerti Maltin bħar-‘Rock Opera’ ‘Gensna’, ‘Rockestra’, ‘The Michael Jackson Tribute’, ‘Animae Gospel Choir’, ‘A Tribute To Elvis & Country Music’, ‘Bravi’ ,’Sas – Sitta Teen Challenge’ u mis-sena 2012 sa l-2016, kienet il-kantanta residenti tal-programm ‘Sibtek’. Fost il-festivals lokali, hija ħadet sehem kemm-il darba ġewwa l-‘Malta Eurovision Song Contest’, ‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’, ‘Il-Festival Internazzjonali Tal-Kanzunetta Maltija 2013’, ‘L-Ghanja Tal-Poplu’, ‘The Malta Hit Song Contest’, kif ukoll ‘The Summer Hit Song Contest’ fejn ikklasifikat fl-ewwel post. Domenique tistħarreġ il-vuċi tagħha għand Gillian Attard ġewwa ‘La Voix Academy’ fejn hija tgħallem ukoll.

 

 

 

 

Il-Biża’ u Jien

kliem: Rita Pace

mużika: Pamela Bezzina

tkanta: Nadine Fenech

 

Photo  

 

Il-kanzunetta titkellem dwar diversi sitwazzjoniet koroh li għaddejt minnhom jien personalment. Sitwazzjonijiet fejn lili kienu kissruni moralment, u tlift anke l-identita’ tiegħi għax ma stajtx nimxi ‘l quddiem. Xi ħaġa f’moħħi kienet twaqqafni mill-affarijiet li nħobb nagħmel għax ksirt kull kunfidenza fija nnifsi. Pero kien wasal ż-żmien li nieqaf fuq saqajja u ngħid ‘daqshekk!’. Ħdimt ħafna fuqi nnifsi u ma nistax ngħid li kienet faċli, pero għamilt dak kollu li kien meħtieġ biex jien nerġa nsib lili nnifsi u rnexxiel . Illum jien persuna oħra u grazzi għal din il-kanzunetta, kull meta nkantaha nħoss bħal xi ħaġa ħierġa minni – il-biża! Il-biża li nbniet fija ftit ftit u waqqfitni minn ħafna affarijiet u li issa m’għadiex parti minni!

Il-fustanija fost tlett aħwa, Nadine għandha 34 sena u ġejja minn familja ta’ performing artists. Trabbiet fil-mużika u mill-eta’ ta’ 5 snin, kienet tizfen quddiem udjenza kbira. Il-ġenituri tagħha intoduċewha għaż-żfin latin american meta kellha 12-il sena u aktar ‘il quddiem iffurmat parti mill-Aceline Dance and Singing Company. Minn dejjem kellha passjoni għall-kant u għalkemm qatt ma studjat  il-vuċi , tħoss li hi xi ħaġa naturali ħafna għaliha. Il-ħarġa tagħha fil-weekend kienet tkun ġo xi karaoke bar fejn hemm darba ratha persuna li telgħattha l-Ingilterra tkanta ġo bosta clubs u pubs. Minn hemm b’kuragg kbir kompliet tavvanza. Ta’ 14-il sena daħlet għall-festival, rebħtitu u minn hemm kompliet għaddejja. Fit-2006 tefgħu għajnejhom fuqha id-duo ta’ fama internazzjonali Tenishia u flimkien ipperformjaw ġo diversi parties f’Malta u Għawdex. Kienet esperjenza ta’ xi sentejn u nofs li lilha għallmitha ħafna u tatha spinta kbira. Fit-2008 rebħet kompetizzjoni fejn ġiet magħżula biex tingħaqad ma’ band hip hop bl-isem Sixth Simfoni li kienet esperjenza oħra mill-isbaħ fejn telgħu Ibiza jirrikordjaw album u wara kellhom diversi gigs . Bħalissa tifforma parti mill-band Marmalja u qed jaħdmu fuq xi materjal. Madanakollu xorta minn dejjem kellha xewqa li tipparteċipa f’festival bħalma hu l-Għanja tal-Poplu.

Ngħidlek

kliem: Joe Julian Farrugia

mużika: Miriam Christine

tkanta: Miriam Christine

Photo  

 

Meta nitilfu lil xi ħadd, nindunaw kemm kien hemm affarijiet li xtaqna nagħmlu u m’għamilniehomx. Nidraw lil dak li jkun u naħsbu li għada dejjem se jkun bħal-lum … u bħall-bieraħ. Imma issa tard wisq. U dak li seta’ jsir bla wisq diffikulta, issa ma jista’ jseħħ qatt. Il-preżent sar biss biex niftakar fl-imgħoddi, u ma nista’ nibdlu qatt. U x-xewqat għall-ġejjien jistgħu jirriflettu biss dak li ġara fil-passat… imma xorta nipprova ngħidlek li nħobbok… forsi tard… imma xorta rrid ngħidlek.

 Kantanta, kant-awtriċi u għalliema tal-mużika, Miriam Christine ilha tkanta għal dawn l-aħħar 30 sena. Miriam Christine rebħet diversi premijiet li jinkludu il-“Golden Palm 1996” u il-“Best New Comer” (Malta Music Awards ’95).  Din il-kantanta ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet  nazzjonali u internazzjonali tal-kant fejn tispikka r-rebha tagħha fil-“Maltese Song For Europe ‘96” bil-kanzunetta ‘In A Woman’s Heart’. B’hekk hija kienet irraprezentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest li ttella’ fin-Norveġja u wara li għaddiet mis-semifinali, kisbet l-għaxar post.  Miriam Christine kantat f’diversi kunċerti sewwa f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna bħal Franza, Italja, Germanja, Norvegja, Lithuania, Dubai, Kanada, Turkija, Lussemburgu u  r-Renju Unit. Fost id-diski ta’ Miriam Christine insibu s-single “In a Woman’s Heart” u CD albums “Smile ‘n’ Shine”, l-“Emigrant”, u “Little Zee”. Minn dan l-aħħar album ħarġu diversi singles u music videos li għamlu suċċess lokali, bħal ‘Hush’, ‘Synchronised’ u ‘Mystery Mama’.  Wara li Miriam Christine kellha lit-tifel tagħha, Rio, fl-2008 ħarget single u music video “Alone Today”. Dan il-music video gie nnominat fil-kategorija tal- “Best Music Video” fl-edizzjoni 2009 tal- “Malta Music Awards”, filwaqt li l-istess kanzunetta kienet ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-“Malta Hit Song Contest”. Wara nuqqas ta’ 11-il sena, Miriam Christine reġgħet kienet fil-finali tal- “Maltasong” 2009, bil-kanzunetta, “Mama”, kompozizzjoni tagħha stess. Fl-ahhar tal-2009 kienet l-għalliema tal-vuċi ta’ Francesa u Mikaela li rraprezentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest fl-Ukrajina. Hija kellha diversi suċċessi oħra bħala kompożitriċi f’Festivals lokali, fosthom l-Indifest. Fis-sena 2013 hija rebħet il-Premju ta’ l-aħjar interpretazzjoni bil-kanzunetta ‘Stejjer’ waqt il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, filwaqt li fis-sena 2014, flimkien mal-kantanta Olivia Lewis, hija rebħet it-tielet post fil-Festival Għanja tal-Poplu bil-kompozizzjoni tagħha stess ‘Wara l-kanċell’.

 

 

Id-Dieher

kliem: Augusto Cardinali

mużika: Augusto Cardinali

ikantaw: Graziana Axisa u Neville Refalo

Photo  

 

Donnu li l-ħwejjeġ jagħmlu l’dak li jkun. Donnu skond kif tidher tingħata t-timbru. Donnu kif tidher tiġi ġġudikat il-ħin kollu. Qisna ma naċċettawx l-ilbies jew id-dehra ta ħaddieħor, għax inkunu rriduha bħal tagħna. Tagħna biss tajjeb, ta’ ħaddiehor differenti, allura ħazin! Għalhekk sew, li naċċettaw lil kulħadd kif inhu…skond kif jidher.

 

Graziana hija tfajla ta 30 sena minn Ħaż-Żabbar. Hija taħdem bhala LSA ma’ tfal fi Skola Primarja. Il-kant minn dejjem kien parti minn ħajjitha. Tkanta bil-Malti, bl-Ingliz u anki bit-Taljan. Ħadet sehem f diversi festivals f’Malta fosthom fil-festival l-Għanja tal-Poplu fejn fl-2004 u fl-2005 klassifikat fit-tieni post bil-kanzunetti Madre tereża (Mara mimlija bl-imħabba) u għaċ-ċkejkna rispettivament.

 

Ħadet sehem ukoll f’ festival ġewwa Salerno fl- 2005 fejn ġiet ikklassifikata bħala it-tieni l-aħjar vuċi bil-kanzunetta ‘Wishing you where somehow here again” mil-opera Phantom of the opera.

Bdiet titgħallem il-kant klassiku mal-għalliema Mezzo Sopran Beatrice Brockdorff fejn bdiet titħarreġġ u tagħmel l-eżamijet  tar-‘Royal School of Music’ fejn waslet sa Grade 6. Xtaqet tbiddel ftit l-istill saħansitra anki kienet il-kantanta mal-band Fuse box għal 3 snin fejn kienet tikteb il-lirika u il melodija għad-diski oriġinali tal-grupp.

Ħadet sehem ukoll għal sentejn wara xulxin fil-kuncerti  ta ‘Strummin for change 2014’ u ‘Strumming the elements 2013’. Waħda mil-isbaħ erperjenzi li għaddiet minnhom Graziana kienet fejn intagħżlet  fost 118 kantanti biex ikantaw fil-kuncert anwali Rockestra kif ukoll sena wara ħadet sehem bħala ‘supporting act’ mal-grupp ‘Strummin’. Graziana ukoll tkanta fil-knisja waqt xi quddiesa ta’ tieg kif ukoll f’ rock events li jkun hawn matul is-sena.

Neville beda l-karriera tiegħu 15 snin ilu taħt it-tagħlim tal-Maestro lokali Bryan Cefai. Hu ha sehem f’diversi festivals lokali fosthom il-Festival Kanzunetta għall-Ewropa, Festival Indipendenza, Festival Kanzunetta Maltija u l-Għanja tal-Poplu. Kien rebbieħ ukoll tal-festival Malta Hit Song Festival bil-kanzunetta One Day fl-2010 li biha wkoll rrappreżenta lil Malta fil-festival Universong Festival li sar fi Spanja fl-istess sena fejn hu kiseb il-Premju prestiġjuż tal-Aħjar Artist Internazzjonali fil-festival. Neville ħa sehem b’suċċess ukoll f’aktar festivals internazzjonali fosthom La Vela d’Oro u l’Anziano della Societa fl-Italja kif ukoll il-Golden Melody International Song Festival f’Ċipru u l-festival prestiġjuż the Song of the Mediterrenean li sar ġewwa Montenegro.

Neville jifforma parti minn diversi baned famużi lokali fosthom  il-Conrad Briffa Band kif ukoll jahdem fil-qrib ma baned ohra bhall-Big Band Brothers u l-Versatile Brass Band. Ha sehem ukoll fl-ewwel żewġ edizzjonijiet tar-Rockestra fl-2009 u l-2010 taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud. Huwa membru wkoll ta’ l-iSpiteri Lucas Band li magħhom kien jagħmel parti mill-programm Sas-Sitta u Sibt Familja bħala kantant residenti.

 

 

 

 

Bħal Tifla Zgħira

kliem: Rita Pace

mużika: Marco Debono

tkanta: Maria Cassar

 

 

Photo  

 

 

 

Il-kanzunetta tirrakonta l-istorja ta’ mara bid-dimenzja mill-angolu ta’ mara li qed tiehu ħsieb lill-ommha, illi tilfet il-kuntatt mar-realta’ u saret dipendenti fuqha. Din it-tfajla tiftakar b’nostalgija meta ommha kienet ghadha b’saħħitha u kienet ir-ruħ tad-dar.  Issa nqelbu r-rwolijiet tagħhom u issa hija l-bint li qed tieħu ħsieb l-omm għax saret bħal tifla żgħira. Tħossha frustrata u mnikkta l-iktar għax ommha ma tiftakarhiex u tweġġa’ taraha bla saħħa u ma tafx kemm bintha tħobbha.  Iżda minkejja x-xewqa vana li biss holma li minnha tqum u tara ‘l ommha kif kienet darba, twegħdha li għalkemm ommha nsietha u ma tifhimx kemm tħobbha, hi qatt mhi se tinsiha u tabbandunaha u se tibqa tħobbha sal-aħħar. 

 

Maria hija kantanta żagħżugħa ta’ 21 sena.  Hija bdiet turi li għandha ġibda lejn il-kant minn età żgħira u ta’ erba’ snin kienet diġà tmur titgħallem tkanta għand Phyllisienne Brincat. Bħalissa Maria qed tattendi għal-lezzjonijiet tal-kant għand Rita Pace.

 

Barra milli hi kantanta, Maria hija wkoll attriċi. Is-sena l-oħra Maria gradwat f’B.A. (Hons.) Theatre Studies u għadha kif temmet il-kors tal-PGCE fid-Drama u b’hekk qed taspira biex issir għalliema tad-Drama. Maria tagħmel parti mill-grupp Teatru Manoel Youth Theatre taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland, u ħadet sehem f’diversi produzzjonijiet bħall-Panto tal-MADC kif ukoll The Three Sunsets ġewwa t-Teatru Manoel.

 

Maria kienet finalista darbtejn fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, fl-2014 u fl-2015, kif ukoll fis-Summer Hit Song Contest fl-2015.

 

 

 

 

 

 

Taptipa fuq l-Ispallejn

kliem: Emil Calleja Bayliss

mużika: Pamela Bezzina

tkanta: Michela Dalli

 

 

Photo  

 

 

‘Taptipa fuq l-Ispallejn’ hija kanzunetta maħsuba biex tagħti ġieħ lil awturi Maltin, li wasslulna diversi kitbiet u ħallewlna dal-patrimonju Malti. Il-lirika tal-kanzunetta hija rakkont ta’ kif il-kantanta, sabet l-imħabba lejn il-letteratura Maltija. Dan kollu beda minn ta’ eta’ verament żgħira u minn hemm kompliet taqra, u tfittex siltiet differenti. Il-ħsieb finali jaqa’ fuq il-fatt li dawn il-kitbiet huma parti mill-identita’ ta’ pajjiżna, bħal mal-lingwa Maltija hija identita’ tal-gżejjer Maltin. Infatti, fil-kanzunetta hemm kwotazzjoni mill-poeżija ta’ Anastasju Cuschieri li tisinfika l-importanza tal-lingwa Maltija għal Cuschieri, pero l-istess sentiment tħaddan il-kantanta li qed tirrakonta. Ir-rakkont jagħlaq billi jindika li għalkemm fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum uħud ma jħarsux lejn il-kotba, għad hawn nies li verament japprezzaw il-letteratura Maltija.

 

Michela Dalli uriet interess fil-kant minn eta’ żgħira hekk kif daħlet fl-ewwel kor ‘Cantores Sancti Juliani’. Mal-istess kor kellha ħafna esperjenzi kemm fi xtutna kif ukoll barra. Esperjenza li żgur ser tibqa’ tgħożż hi dik ta’ meta kantat fil-Vatikan. Kienet tagħmel parti minn ‘Journey Choir’, ‘Enkor Gospel Choir’ u anke fil-kor ta’ ‘Ġensna’.

Matul is-snin l-interess fil-kant kompla jikber u kompliet titħarreġ fil-lezzjonijiet ma’ Pamela Bezzina minn VocalBooth Studios. Bħalissa tagħmel parti minn ‘Vocal Troupes’.

F’dawn l-aħħar snin ħadet sehem f’diversi festivals lokali kif ukoll fl-Italja u din is-sena fil-Finlandja. Kienet finalista fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza fl-2011 u 2014.

Is-sena 2015 kienet interessanti għalfatt li kienet parti mill-kor tal-ftuħ taċ-CHOGM u finalista fi tlett festivals: Il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, ‘Summer Hit Song Contest’ kif ukoll finalista fl-Għanja tal-Poplu b’kanzunetta tant għal qalbha ‘Charlie l-Artist’.

Michela ħadet sehem f’diversi drama lokali.

Apparti l-karriera tal-kant Michela għandha għal qalbha xogħolha li hu dak ta’ Learning Support Assistant.

X’Se Jsir?

kliem: Córazon Mizzi

mużika: Córazon Mizzi

tkanta: Córazon

Photo  

 

X’Se Jsir hija kanzunetta eżistenzjali u filosofika u tiftaħ kapitlu ġdid fil-ġeneru tal-kitba tal-kantawtriċi. Titkellem dwar iċ-ċiklu tal-ħajja; dwar kif kull oġġett u ħlejqa tgħaddi minn process u żvilupp biex issir xi ħaġa oħra f’ċiklu tond u għalhekk, infinit. L-oġġetti fil-kanzunetta jintużaw ukoll biex jirrappreżentaw l-episodji differenti fil-ħajja tal-bniedem; mit-twelid sal-mewt. Imbagħad fir-ritornell il-mistoqsija eterna: Minna x’se jsir?

Corazón hija magħrufa l-aktar bħala preżentatriċi, produttriċi televiżiva, kantanta u kantawtriċi ta’ kanzunetti bil-Malti. Fl-2014, Corazón ħarġet l-ewwel album tagħha bħala kantawtriċi b’kanzunetti oriġinali bil-Malti, ‘Hawn Jien’, li nkluda suċċessi mit-3 rebħiet tagħha fil-Festival L-Għanja tal-Poplu kif ukoll bosta kanzunetti ġodda. Is-sena l-oħra, Corazón ipproduċiet u tellgħet żewġ kunċerti bil-kanzunetti oriġinali tagħha: wieħed fil-Każin Malti l-Belt u l-ieħor fi Pjazza Teatru Rjal – it-tnejn li huma kienu sold out ġimgħat qabel. Fil-kunċert tal-Każin Malti l-Belt, Corazón nediet it-tieni edizzjoni tal-album tagħha, li ġiet stampata b’żewġ kanzunetti miżjuda minħabba li l-ewwel edizzjoni nbiegħet kollha f’sena waħda biss. Bħala kantanta, Corazón bdiet l-istudji vokali tagħha fit-teknika klassika ma’ Claire Massa u għadha titħarreġ fit-teknika vokali pop ma’ Pamela Bezzina. Corazón kienet finalista fl-aħħar ħames snin konsekuttivi fil-Malta Eurovision Song Contest b’kollaborazzjonijiet ma’ Paul Giordimaina u Fleur Balzan, kanzunetti oriġinali, u fl-aħħar edizzjoni b’kollaborazzjoni ma’ kompożituri barranin. Biex iżżomm ir-repertorju tagħha dejjem frisk, Corazón tkanta live regolarment f’funzjonijiet pubbliċi u privati kif ukoll f’lukandi u stabbilimenti f’Malta. Corazón kisbet ħafna esperjenza fil-preżentazzjoni u l-produzzjoni tat-televixin meta, waqt li kienet għadha tistudja l-Università, kienet timmaniġja wkoll it-tim tal-produzzjoni ta’ Kalamita mmexxi minn Alfred Zammit u wara, meta bdiet taħdem bħala preżentatriċi ma’ Deemedia.tv, tmexxi l-programm TVPM: l-ewwel ma’ Peter Carbonaro u imbagħad waħedha. Din hija l-ewwel sena li Corazón qed tmexxi u fl-istess ħin anke tipproduċi il-programm popolari ta’ waranofsinhar fuq TVM, Twelveto3. F’dawn l-aħħar snin, kienet magħżula minn PBS biex tmexxi l-kummentarju Malti għall-Eurovision Song Contest kif ukoll għall-Junior Eurovision Song Contest. Lil’hinn mill-karriera artistika tagħha, Corazón hija ggradwata b’Dottorat fil-Liġi u taħdem bħala Nutar Pubbliku fl-uffiċċju legali tal-familja tagħha f’Ħaż-Żebbuġ.

 

Jien Biss

kliem: Joe Julian Farrugia

mużika: Dominic Cini

tkanta: Dorcas

Photo  

 Issib ħafna li jikkritikaw lis-single mothers u jgħidu li dawn jieħdu l-benefiċċji għalxejn. Imma fil-fatt dawn nies li minkejja l-għajdut tan-nies, iridu jagħmlu d-dmirijiet taż-żewġ ġenituri f’daqqa. Liema omm ma tagħmilx kollox għal uliedha? Aħseb u ara meta għal uliedha trid taqdi d-dmir ta’ missier ukoll. L-uġigħ ta’ lsien in-nies ma jbatux minnu s-single mothers biss, imma uliedhom ukoll. Dawn l-ulied huma ċittadini bħal kulħadd u għandhom dritt jirnexxu wkoll. U l-omm tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

 Dorcas twieldet fil-15 ta’ Jannar ta l-1993. Fl-eta ta 13-il sena hi bdiet titharreg fil qasam tal-kant u bdiet tikkompeti f’diversi kompetizzjonijiet lokali. Għal Dorcas dan kien l-ewwel pass fil-karriera tagħha fejn għinnha biex tiżviluppa t-talent tagħha hekk tajjeb. Hija dejjem baqgħet tistudja l-vuċi b’impenn serju u fuq livell ogħla.

In-nies bdew jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ Dorcas permezz ta’ diversi programmi fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni.

Fl-2013 ħadet sehem fil-festival prestiġjuż f’Malta magħruf bħala l-Festival Internazzjonali Tal-Kanzunetta Maltija ġewwa Dar il-Mediterran.  Għal Dorcas dik kienet esperjenza kbira. Fl-2015 kienet ukoll finalista fil-festival tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza u fis-“Summer Hit Song Contest”.

 

Xagħar Twil

kliem: Ingrid Vella

mużika: Mark Laurence Zammit

tkanta: Denise Spiteri

Photo  

 

Il-kanzunetta hija vjaġġ ta’ emozzjonijiet li qed tgħix tfajla matul it-trattament tal-kanċer.

Minkejja l-emozzjonijiet kollha ta’ matul il-kanzunetta, it-tfajla tibqa’ tfakkar li l-parrokka li qed tilbes hija biss temporanja, u li xagħarha għad jerġa’ jitwal mill-ġdid. Fil-kanzunetta, ix-xagħar huwa simbolu tas-saħħa u l-fejqan mill-kanċer.

 Bħal ċirku komplut, l-aħħar tal-kanzunetta jerġa jeħodna għall-bidu tal-kanzunetta hekk kif it-tfajla tfiq u tiddeċiedi li terġa taqta’ l-frenża hi stess, bħal kif kienet għamlet meta kienet għadha tifla żgħira.

 Denise Spiteri twieldet fl-24 ta’ Ottubru 1994 u toqgħod ta’ Kerċem, Għawdex. Bħalissa qiegħda tistudja fl-Università ta’ Malta.
Ilha tistudja l-vuċi għal dawn l-aħħar tnax-il sena u ġabet ċertifikat tal-Grade 7 mat-Trinity College Londra taħt id-direzzjoni tas-Sopran magħrufa Gillian Zammit. F’dan iż-żmien studjat il-pjanu wkoll. Fl-2009 kienet parti mill-kor ta’ tfal taħt id-direzzjoni ta’ Gillian Zammit – kor li ntagħżel biex jakkumpanja l-kunċert ta’ Joseph Calleja u Michael Bolton. Fl-2012 kienet ukoll waħda mill-backing vocalists fil-kunċert Rockestra, li jsir ta’ kull sena ġewwa l-MFCC. Fl-aħħar snin għamlet kors qasir fit-Teatru Mużikali fl-Arts Educational Schools f’Londra – skola li fiha tgħallmu artisti internazzjonali, fosthom Catherine Zeta Jones, Samantha Barks, Julie Andrews, u Sarah Brightman.

Fl-aħħar snin kantat fl-opri Noye’s Fludde, L’Elisir d’Amore u Dido and Aeneas li ttellghu fit-Teatru Manoel, filwaqt li kantat ukoll f’diversi opri fit-Teatru Astra fir-Rabat Għawdex. Bejn l-2013 u l-2015 kellha parti prinċipali fil-Musical live u oriġinali “Dun Ġorġ: Il-Musical,” liema Musical ittella’ f’Għawdex, f’Malta u f’Catania. Bħalissa, Denise tagħmel parti mill-grupp Teatru Manoel Youth Opera, immexxi minn Miriam Cauchi u Karmene Radovska.

 

Waħdi Miegħek

kliem: Ingrid Vella

mużika: Kaya

tkanta: Graziella Vella

Photo  

Waħdi Miegħek hija paradoss mill-bidu sal-aħħar. Il-kanzunetta titkellem dwar koppja li jinsabu flimkien f’post romantiku, peró minkejja r-romantiċiżmu tal-post (fejn anke l-mewġ bħal qisu qed jitbewwes max-xtajta), u minkejja li ż-żewġ maħbubin jinsabu flimkien, it-tfajla xorta tħossha waħidha. Dan għaliex il-ġuvni iktar moħħu fil-mobile milli fit-tfajla li għandu maġenbu.

It-tfajla ssemmi kif il-ġuvni jieħu stessu magħha, jippostjah online, u joqgħod ħsiebu fil-likes mingħand nies barranin. Tirrealizza li l-ħin li suppost qed iqatta’ magħha qiegħed “jixxerjah” ma’ nies li lanqas biss jafhom. Tispiċċa tirraġuna li aħjar ma ħarġu xejn, għax kieku kien jiċċettja magħha iktar minn kemm kellimha matul l-ikla wiċċ imbwiċċ.

Waħdi Miegħek hija appell lil kull min għandu mobile phone.

Graziella Vella għandha 22 sena, twieldet Ħaż-Żabbar, u toqgħod hal-Balzan. Hija taħdem bħala LSA fi skola primarja. Iż-żewġ affarijiet li jtuha l-ħajja huma l-kant u d-drama. Ilha tkanta ħdax-il sena, taħt id-direzzjoni ta’ Kaya.

Dawn l-aħħar sentejn bdiet tieħu sehem f’festivals f’Malta, kif ukoll barra minn Malta. Fl-2015, ħadet sehem f’ “The summer hit song 2015” bil-kanzunetta “Lucky me” (lirika ta’ Rita Pace u mużika ta’ Kaya) fejn kisbet it-tieni post fit-televoting, u fil- “Cantagiro 2015” fejn ikklassifikat fit-tielet post.

Dis-sena kklassifikat fit-tieni post fil-“Melodija Maġika” bil-kanzunetta “Oġġett” (lirika ta’ Rita Pace u mużika ta’ Kaya), u riċentament ħadet sehem fil-festival internazzjonali “The May Note” fejn minn fost 131 kantant, Graziella rebħet il-GranPrix tal-festival.