Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-44 Edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu

It-tim organizzattiv tal-Għanja tal-Poplu jemmen fil-ħila tal-awturi, kompożituri u l-gruppi mużikali Maltin. Minkejja s-sitwazzjoni preżenti ma qatax qalbu u xorta qed joffri okkażjoni fejn l-artisti joħolqu u jippromwovu kanzunetti ta’ kwalità bl-ilsien Malti.

L-għan tal-festival huwa li jintgħażlu u jixxandru l-aħjar kanzunetti fost dawk ippreżentati. Din is-sena l-festival ser jikkonsisti f’festival televiżiv u fl-aħħar tal-festival jitħabbru r-riżultati u ssir il-premjazzjoni skont il-ġudizzju tal-ġurija.

Il-festival ser ikun festa ta’ kanzunetti bil-Malti, biex jitgawdew mill-publiku permezz ta’ produzzjoni televiżiva minn PBS.

Fl-ewwel stadju tal-għażla, il-kanzunetti ppreżentati jkunu rrekordjati bil-vuċi/jiet u strument jew tnejn. Hekk il-ġurati jiġġudikaw kull kanzunetta fis-sempliċita’ tagħha. Wara minn l-aħjar 40 kanzunetta jintagħżlu l-kanzunetti finalisti. (Għal aktar dettalji ara Regolamenti www.ghanjafest.com/regolamenti-ghtp-2020 )

L-organizzaturi tal-Għanja tal-Poplu jħeġġu lill-artisti tal-kanzunetta Maltija jieħdu l-okkażjoni u joħolqu kanzunetti li jagħtu gost lill-pubbliku. Min jixtieq aktar informazzjoni jew irid xi għajnuna jista’ jikkuntattja lill-organizzaturi mill-aktar fis. Is-sottomissjonijiet ser isiru online u jintlaqgħu sal-1 ta’ Lulju 2020 minn hawn www.ghanjafest.com/sottomissjoni-2020

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu ser ikompli bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra wara li tinbidel is-sitwazzjoni preżenti.