Alan Casha

Alan Casha mwieled ir-Rabat Għawdex fis-26 t’Ottubru 1991.  Alan hu mużiċist u kant-awtur.  Alan sab il-passjoni fil-mużika minn età żgħira.  Beda jdoqq il-kitarra minn meta kellu tnax-il sena u minn hemm baqa’ juri interess fi strumenti oħra.  Illum il-ġurnata jdoqq il-perkussjoni u jkanta bħala backing vocalist mal-band lokali Mae li ilhom idoqqu flimkien mill-2013. Din is-sena Alan qed jipparteċipa għall-ewwel darba bħala kant-awtur fil-festival “L-Għanja tal-Poplu” bid-diska “L-Immigrant” li hu kiteb flimkien ma’ Andrew Vella.

Andrew Vella- Kompożitur

Andrew Vella mwieled fil-5 ta’ Marzu 1991.  Andrew sab passjoni fil-mużika minn età żgħira fejn tgħallem il-kitarra u ftit wara beda jikteb xi kanzunetti.  Fl-2013, Andrew ingħaqad mal-band lokali The Travellers bħala kittarrist u kittieb.  Mal-band, hu kiteb diski famużi bħal “Semplicità”, “Xemx u Xita”, “Ħafi Paċi Kuluri” u “Tpenġijiet”.  Din is-sena, Andrew qed jipparteċipa għall-ewwel darba bħala kompożitur għal “L‑Għanja tal-Poplu” bid-diska “L-Immigrant” li hu kiteb flimkien ma’ Alan Casha.

IL-Membri tal-Band

Il-kanzunetta “L-Immigrant” ser tiġi interpretata live minn Alan Casha flimkien ma’ grupp mużikali li ngħaqad apposta għall-finali ta’ “L-Għanja tal-Poplu” ta’ din is-sena.  Il-grupp huma lkoll ħbieb li ilhom jaqsmu d-dinja tal-mużika flimkien.

 Il-Ħsieb tal-Kanzunetta:  

Id-diska “l-Immigrant”, ġiet ispirata mill-krizi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa, b’Malta fiċ-ċentru u mill-imġiba razzista, inumana ta’ ċertu gruppi Maltin.  Id-diska tagħmel xebh bejn il-Malti li emigra fil-ħamsinijiet biex isib ħajja aħjar u l-immigrant f’Malta llum il-ġurnata.

Ir-refuġjat hu dak li telaq pajjizu b’kuraġġ u b’tama, ‘il boghod mill-biża’ mnissla mir-realtà li jista’ jiġi ppersegwitat għal raġunijiet vasti f’pajjiżu.

Id-diska hi għajta  biex ilkoll nindunaw li minbarra d-differenzi soċjokulturali kollha li l-immigrazzjoni ġġib magħha, hemm xebh wieħed li hu li aħna lkoll bnedmin u lkoll inħaddnu l-istess drittijiet umani li għandhom jiġu rispettati akkost ta’ u qabel kollox.