Ir-Rebbieħa

L-Għanja tal-Poplu ttella’ nhar is-Sibt 5 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-sittax-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela. Għas-47 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu ġew sottomessi 142 kanzunetta oriġinali.

Ritratt tar-rebbieħa flimkien
Fil-finali r-rebbieħa intgħażlu minn ġurija esperta flimkien ma’ ġurija popolari. Il-ġurija popolari kienet tinkludi membri tal-pubbliku kif wkoll membri tal-Malta Concert Orchestra.
Christian Arding
Christian Arding

Il-kanzunetta ‘Il-Baħħ u Jien’ interpretata minn Christian Arding fuq kliem ta’ Natasha Grima u mużika ta’ Natasha Grima u Charlene Grech ġiet ddikjarata L-Għanja tal-Poplu 2023. Il-kanzunetta titkellem dwar xi tkun qed tħoss persuna bi ħsibijiet ta’ suwiċidju – suġġett li jinsab mistur fis-silenzju. Il-kanzunetta hija imnebbħa minn storja vera. Fiha nisimgħu l-ħsibijiet ta’ raġel li qed isibha diffiċli jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu u jixtieq isib min jifmhu u jgħinu.

Christian Arding ingħata ukoll il-premju Enzo Gusman għall-aħjar interpretazzjoni.

Il-kanzunetta ‘Meravilja’ kantata minn Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri, bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Meravilja hija poeżija li turi s-sabiħ tal-ħajja u kemm din isir isbaħ meta titgħallem tgħixha, tapprezzaha u titgħallem tirbaħ fuq id-diffikultajiet li jitfaċċaw bla mistenni.

Meravilja – Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri (Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)
Katina – Laura Bruno (Paul Ellul, Mark Spiteri Lucas)

Il-kanzunetta ‘Katina’, interpretata minn Laura Bruno u miktuba minn Paul Ellul, b’mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ikklassifikat fit-tielet post. Il-kanzunetta titkellem dwar nies bi bżonnijiet speċjali u tqabbel l-umanità ma’ katina fejn kull ħlejqa umana hi speċjali. Kull persuna hija ħolqa f’katina waħda fejn kulħadd huwa bżonn xulxin.

Jean Claude Vancell rebaħ il-premju għall-aħjar kantawtur bil-kanzunetta Monokrom’ bi kliem u mużika tiegħu stess. Il-kanzunetta inkitbet fi żmien ta’ solitudni u l-awtur jitkellem dwar ir-riskji li lest li jieħu biex jagħti lewn lil ħajtu. Il-monokrom, għalkemm sabiħ u kumpless huwa metafora għal esperjenza tad-dipressjoni. Madankollu, fil-kanzunetta hemm ukoll element ta’ tama li l-bniedem jsib is-sabiħ tal-ħajja bl-għajnuna ta’ persuna oħra.

Jean Claude Vancell
Lon Kirkop flimkien ma' Kelsey Bellante

Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Lon Kirkop bil-kanzunetta ‘Għadu Ma Sarx’ interpretata minn Kelsey Bellante. Din il-kanzunetta titratta r-realtà ta’ persuni li qed isofru minn vjolenza domestika u tirrakkonta dak li jgħaddu minnu l-vitmi u dawk ta’ madwarhom.

Il-kumitat organizzattiv ta’ L-Għanja tal-Poplu ppreżenta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Mary Galea magħrufa bħala Merga għall-kontribut tagħha lill-kanzunetta Maltija. Merga interpretat il-kanzunetta ‘Madonnina’ ta’ J.B.Cassar kif ukoll Marija ta’ Wied il-Għajn’ ta’ Albert Friggieri.

Merga

It-tim tal-kanzunetta rebbieħa L-Għanja tal-Poplu 2023

Il-Festival kien organizzat mill-għaqda voltontarja L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal u huwa megħjun mill-Kunsill Malti Għall-Arti.