Għeżież awturi u kompożituri,

Bi pjaċir inħabbru is-47 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu li se tittella’ fil-5 ta’ Awwissu ġewwa Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra. Ir-regolamenti jinsabu fil-paġna www.ghanjatalpoplu.org/regolamenti-2023 . L-appikazzjonijiet se jintlaqgħu sat-13 ta’ April 2023.*

F’dan il-festival, għandek il-liberta’ li tuża kwalunkwe ġeneru mużikali li tixtieq biex tesprimi l-emozzjonijiet u l-ideat tiegħek. Bħala organizzaturi, aħna nipprovdu okkażjoni tajba fejn l-awturi u l-kompożituri jistgħu jwasslu l-kanzunetti tagħhom lill-publiku Malti. Il-festival L-Għanja tal-Poplu jkun suċċess jekk ikun fih kanzunetti ta’ kwalita’ bil-Malti u jippreżenta kanzunetti li jappellaw għall-poplu.

Li wieħed ikun midħla tal-letteratura Maltija tgħin biex wieħed ikun kittieb tajjeb. L-istess japplika fil-kompożizzjoni tal-mużika kif wkoll fil-kitba tal-kanzunetti. Ninkoraġġixxu lill-awturi u kompożitur jisimgħu u japprezzaw il-kanzunetti ta’ artisti minn diversi pajjiżi, speċjalment dawk li huma qrib tagħna. Illum permezz tal-Youtube, huwa iktar faċli li tagħmel dan.

Barra minn hekk, fuq l-internet insibu bosta artikli li jistgħu jgħinu lil min jixtieq itejjeb il-ħila tiegħu fil-kitba u l-kompożizzjoni tal-kanzunetta. Għal dan il-għan qed ninkludu ftit ħoloq li jistgħu jinteressaw lill-awturi u kompożituri, speċjalment dawk li għadhom jibdew.

Intant nistiednek tibda’ taħseb biex tikteb u tikkomponi dik l-kanzunetta li biha tesprimi is-sentimenti, l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet tiegħek. Is‑sehem tiegħek f’dan il‑festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall‑karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk taħseb biex tipparteċipa.

Fil-kas ta’ mistoqsijiet tista’ tiktbilna email jew iċċempel 79923522.

* F’kas ta’ bżonn tista’ titlob għall-estensjoni sad-19 ta’ April, ara dettalji fir-regolamenti .

Kumitat L-Għanja tal-Poplu