Merga

Merga, l-mistiedna speċjali ta’ L-Għanja tal-Poplu 2023 se tkun ppreżentata bir-rikonoxximent “L-Għanja li tibqa’” għall-kontribut kontinwu tagħha b-risq il-kanzunetta Maltija.

Mary Galea twieldet ir-Rabat Malta. Ta’ għaxar snin, ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festival ta’ kant li kienu jorganizzaw iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara tar-Rabat. Sabet ħafna għajnuna minn missierha Pawlu li kien mużiċista.

Kellu jkun ir-Rabti J.B. Cassar, li kien awtur, kompożitur u organizzatur mill-aqwa ta’ bosta festivals li kienu jsiru f’Malta, li ppromwova t-talent ta’ Mary. Fl-1969, J.B. Cassar ħareġ żewġ diski fuq 45 dawra tal-kantanta MERGA: l-isem l-ġdid ta’ Mary Galea. Dawn kienu fost l-ewwel diski żgħar li qatt ħarġu f’Malta b’rekording u orkestra professjonali magħmulin fi Spanja, grazzi għall-kuntatti internazzjonali li kellu Cassar. Kienu kanzunetti b’ħoss ta’ kwalita’, li qatt ma kien instema’ bħalu fix-xena mużikali Maltija.

Waħda minn dawn id-diski ta’ Merga kellha fuq naħa B, il-kanzunetta ‘Madonnina, bi kliem u mużika tal-istess J.B.Cassar. ‘Madonninase’ kienet il- kanzunetta rebbieħa fl-Ewwel Festival tal-Kanzunetta Maltija li kienu organizzaw iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara fl-1961., Oriġinarjament, tkantat minn Terry L. Bencini u l-Four Links. Kellha tkun MERGA li fl-1969 għamlet lill-kanzunetta Madonnina waħda mill-kanzunetti klassiċi Maltin.

Merga baqgħet tieħu sehem f’bosta festivals mhux biss f’Malta, iżda wkoll f’pajjiżi oħra bħal Spanja, il-Polonja, il-Ġreċja, l-Italja, Rio de Janeiro u Cuba. Fl-1974, Merga ħadet sehem għall-ewwel darba fit-tieni edizzjoni tal-Festival tal-YTC, li wara sar magħruf bħala L-Għanja Tal-Poplu. B’kollox ħadet sehem 20 darba f’dan il-festival, kemm bħala kantanta kif ukoll bħala kantawtriċi. Mhux ta’ b’xejn li l-Professur Toni Sant, waqt programm ta’ Radju Malta, sejjaħ lil Merga bħala “r-Reġina ta’ L-Għanja tal-Poplu”.

Fil-bidu tas-sebgħinijiet, Mary ħadet sehem fir-recording tal-album tal-passjoni Ikun Li Trid Int, produzzjoni tal-YTC.

Mary hija miżzewġa lil Saviour Buttigieg u għandhom tlett itfal u ħames neputijiet.