Fid-Dell ta' Ħaddieħor

Kliem: Joe Julian Farrugia
Mużika: Rene Mamo
Tkanta: Miriam Christine Borg
Isma' parti qasira:

Il-ħajja ta' kuljum kemm saret mgħaġġla,
mhux darba w tnejn ninġarru mal-kurrent.
Bilkemm insibu ċans biex naħsbu naqra
biex niżnu x'inhu s-sewwa fl-argument.
Flok nagħżlu opinjoni qed ninqabdu
fil-moda tal-mument.

Minn kull fejn tara w tisma' bbumbardjati
mill-ġganti jistagħnew tar-reklamar,
bi-istampi w kliem sabiħ li jaħkmu ħsiebna;
biex lilna jittrattawna ta' tfal żgħar.
Flok nagħżlu tajjeb, nagħżlu l-popolari:
Li mhux bilfors l-aħjar.

Drajna nimxu fid-dell ta' ħaddieħor.
Drajna nibdlu t-twemmin bis-siegħat.
Sirna numri ttimbrati f'kompjuter.
Kulma jagħmlu ta' fuq aċċettat.

Min hu kbir jiddeċiedi għalina;
għax dal-moħħ ma jwassalx għandu mnejn.
Drajna f'gaġġa ta' lewn trasparenti,
dak li l-għajn ma tarax: xejn m'hu xejn.

Fl-għejxien ta' dal-pajjiż, f'li jsir madwarna,
kulħadd irid jgħid tiegħu fit-taħdit
Nitmasħnu sabiex nuru li infurmati
U ntennu kliem fuq ir-radju tal-partit.
Flok nagħżlu li nisimgħu iż-żewġ qniepen
inservu ta' tapit.

Drajna nimxu fid-dell ta' ħaddieħor.
Drajna nibdlu t-twemmin bis-siegħat.
Sirna numri ttimbrati f'kompjuter.
Kulma jagħmlu ta' fuq aċċettat.

Min hu kbir jiddeċiedi għalina;
għax dal-moħħ ma jwassalx għandu mnejn.
Drajna f'gaġġa ta' lewn trasparenti,
dak li l-għajn ma tarax: xejn m'hu xejn.