Kutrumbajsi

Kliem: Mario F. Caruana
Mużika: Dominic Galea
Tkanta: Doreen Galea
Isma' parti qasira:

Qalbi tehber illi s-slaten għad xi darba jċedu posthom
Biex ta' taħthom jiġu fuqhom u ta' fuq jiġu minn taħt;
Darba ħlomt li l-miljunarji bdew qajl qajl iċedu ġidhom
Tant li saħansitra, minnhom, sa tallaba jien imaħt!

Tgħid xi jgħidu jekk il-Papa ifettillu jitla' l-qamar
Jew jekk l-anġli bħal sajjetta jaslu wasla l-Vatikan?
u min jaf kemm-il Gran Mastru għad irid jerġa' jirxoxta
u min jaf kemm ghad ilebbtu flok biż-żiemel, bl-ajruplan?!

Dil-planeta - kutrumbajsi:
Qisu m'għandhiex naqra kwiet,
Għandu jkun tilfet il-boxxla
u l-pressjoni qed tiżdied!

Dil-planeta rasha 'l-isfel
jew inkella qed tiblieħ,
Għax ta' l-aħħar jiġu l-ewwel
u tal-wiċċ jinżlu fil-qiegħ!

Għad nisimgħu illi t-trabi qed jitwieldu jafu jiktbu
Biex jerħulha lejn l-iskola minnufiħ, bla ebda nkwiet;
Għad naraw lit-tfal mehdija bil-kompjuters flok bil-pupi
u minflok jaqraw il-ħrejjef mitlufin bl-eżamijiet!

Smajthom jgħidu illi ż-żgħażagħ mhux se jkollhom aktar x'jilbsu
u tal-ħwienet mhux se jbiegħu għax m'għandhomx biżżejjed qliegħ;
Għandu mnejn li l-isbaħ tfajla tibqa' tgħix wara l-muntanja
u l-eroj jibqa' mistoħbi biex in-nies ma ssirx taf bih!

Dil-planeta - kutrumbajsi:
Qisu m'għandhiex naqra kwiet,
Għandu jkun tilfet il-boxxla
u l-pressjoni qed tiżdied!

Dil-pjaneta rasha 'l-isfel
jew inkella qed tiblieħ,
Għax ta' l-ahhar jiġu l-ewwel
u tal-wiċċ jinżlu fil-qiegħ!

Smajt li d-dinja se tispiċċa
Għax spiċċalha ż-żejt minn wiċċha!
Smajt li għada ma jisbaħx
Għal min joħlom biss fil-waħx!